Il-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ
L-irwol tal-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tagħmel Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ biex, fis-servizzi kollha tal-Kummissjoni Ewropea, tissaħħaħ il-kooperazzjoni transsettorjali, kif ukoll biex jiżdiedu l-għarfien u l-iskambji dwar kwistjonijiet marbutin maż-żgħażagħ.
Il-Kunsill laqa’ bi pjaċir din l-intenzjoni fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2019–2027, filwaqt li nnota li l-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ għandu jaħdem id f’id ma’ diversi partijiet ikkonċernati biex jiżgura li jkun hemm komunikazzjoni koerenti maż-żgħażagħ.
Fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill ippromwova l-integrazzjoni tad-dimensjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politiki fl-Unjoni Ewropea. Huwa stieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura “l-integrazzjoni ta’ perspettiva taż-żgħażagħ fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politika, bl-applikazzjoni ta’ dik il-fehma għall-oqsma kollha li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ, bl-involviment, kif xieraq fil-livell tal-UE, tal-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ.”
X’jagħmel il-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ?
Il-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ jiffaċilita n-Network tal-Kummissjoni għaż-Żgħażagħ magħmul minn korrispondenti taż-żgħażagħ minn kull parti tal-Kummissjoni u jippresiedi l-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-UE fil-Qasam taż-Żgħażagħ.
Il-Koordinatur:
- jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-perspettivi taż-żgħażagħ (inkluż il-kontribut riċevut permezz tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ) fil-politiki rilevanti kollha
- isaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni li jaħdmu fuq kwistjonijiet li jolqtu liż-żgħażagħ, u
- jara li ż-żgħażagħ ikunu jafu dwar x’opportunitajiet toffrilhom l-UE.
Marta Markowska nħatret bħala l-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ f’Mejju 2026.
Biliana Sirakova serviet bħala l-ewwel Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ minn Ġunju 2021 sa Jannar 2026.