
Traineeships fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 15/02/2023
Kull sena s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) joffri 4 tipi ta’ traineeships: imħallsa, mhux imħallsa, traineeships riżervati għall-istudenti tal-iskejjel tal-amministrazzjoni nazzjonali u għal programmi speċjali għat-trainees b’diżabbiltà.
Li wieħed ikun trainee fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (informalment magħruf ukoll bħala l-Kunsill tal-UE) jagħtik l-opportunità li tikseb:
- esperjenza diretta tal-ħidma tas-SĠK;
- għarfien dwar l-UE, għarfien tal-proċessi u l-politiki tal-istituzzjonijiet tal-UE;
- opportunità li tkun parti mill-ħidma ta’ kuljum tal-Kunsill;
- opportunità li taħdem f’ambjent multikulturali, multilingwu u multietniku.
Issib aktar informazzjoni dwar l-4 tipi ta’ traineeships fil-links korrispondenti hawn taħt:
- Traineeships imħallsa
- Traineeships obbligatorji mhux imħallsa
- Traineeships għal studenti ta’ skejjel nazzjonali tal-amministrazzjoni
- Programm ta' azzjoni pożittiva għal trainees b'diżabbiltà (imħallsa)
It-trainees jissieħbu ma’ dipartiment u jaħdmu bħala parti mit-tim li jkunu assenjati fih. Il-kompiti tagħhom jistgħu jinkludu l-attendenza għal laqgħat, l-abbozzar ta’ minuti, it-twettiq ta’ xogħol ta’ tħejjija jew riċerka dwar suġġett partikolari.
Min jista’ japplika?
Kriterji tal-eliġibbiltà:
- jeħtieġ li tkun ċittadin tal-UE jew li tkun ġej minn pajjiż kandidat li jkun ikkonkluda n-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE.
- għandu jkollok għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-UE. Peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni interna fis-SĠK, huwa meħtieġ għarfien tajjeb tal-Ingliż jew tal-Franċiż.
Il-maġġoranza tal-applikanti għandhom kwalifiki fil-liġi, fix-xjenza politika, fir-relazzjonijiet internazzjonali, fl-istudji u fl-ekonomija tal-UE iżda ovvjament tista’ tiġi kkwalifikat ukoll f’oqsma oħrajn, pereżempju: it-traduzzjoni, ir-riżorsi umani, il-komunikazzjoni, l-istudji edukattivi, l-informatika, id-disinn grafiku, il-multimedia, it-teknoloġija agrikola, l-inġinerija bijokimika, is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel, l-immaniġġjar tal-enerġija, l-ambjent, l-inġinerija ajruspazjali.
Jekk diġà bbenifikajt minn kwalunkwe tip ta’ taħriġ (imħallas jew mhux imħallas) jew impjieg għal aktar minn 6 ġimgħat f’istituzzjoni, korp, aġenzija jew uffiċċju tal-UE m’intix eleġibbli biex tapplika.
Skeda taż-żmien
It-traineeships jinqasmu f’2 perjodi differenti, kull wieħed idum 5 xahar:
- mill-1 ta’ Frar sat-30 ta’ Ġunju (l-ewwel perjodu)
- mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Jannar (it-tieni perjodu)
Meta tapplika
Għal aktar informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet u l-iskadenzi differenti biex tibgħat l-applikazzjoni tiegħek, jekk jogħġbok iċċekkja regolarment is-sit web uffiċjali tal-Kunsill tal-UE.