Skip to main content
Plastic blocks for recycling ©Photo by Nick Fewings on Unsplash

Il-ħajja fil-plastik, mhux daqshekk fantastika!

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ħamis, 17/12/2020

Mhux il-plastik kollu għandu jiġi demonizzat, iżda l-plastik li jintuża darba biss qed jikkawża ħafna ħsara lill-ambjent tagħna. Hawn issib modi kif tista’ tgħin biex tiġi indirizzata l-kwistjoni urġenti biex tiġi ppreservata l-pjaneta tagħna.

Il-plastik jinsab kullimkien: mill-ħwejjeġ għal kompjuters u apparat domestiku. Jinsab fuq affarijiet li qatt ma tistenna li għandek issibu, bħall-ikel. Kont taf li jintuża biex jiġu ssiġillati l-boroż tat-te jew li tista’ ssibu fil-ġobon tiegħek? Iżda mingħajr plastik ma jkollokx smartphone!

Il-plastik sar popolari ħafna minħabba li huwa versatili, irħis biex jiġi prodott u għandu ħafna użi differenti. Lil hinn mis-suppożizzjonijiet simplistiċi, mhux kull tip ta’ plastik huwa ħażin: jintuża għal skopijiet mediċi, għal mezzi tat-trasport u fil-biċċa l-kbira tal-apparat domestiku tagħna li kieku ma jkunx possibbli li tuża.

Jistgħu jiġu identifikati tal-anqas 7 tipi differenti ta’ plastik permezz ta’ sistema implimentata fl-1988 biex jiġi ffaċilitat ir-riċiklaġġ. Tista’ saħansitra tiltaqa’ mat-terminu “plastik bijoloġiku” li jista’ jkun qarrieqi. Dan ifisser sempliċiment li ma jiġix minn sors ibbażat fuq il-fossili peress li materjali bbażati fuq il-pjanti - bħal-lamtu tal-qamħirrum u l-patata - jistgħu jintużaw biex joħolqu l-plastik iżda fil-fatt 99% jiġi miż-żejt, mill-gass naturali u mill-faħam. Sfortunatament, il-plastik bijoloġiku ma jniġġisx inqas minħabba li lanqas mhu bijodegradabbli fl-oċean.

Hu għalhekk li l-iskart tal-plastik jingħad li jibqa’ għal dejjem u wara d-dekompożizzjoni tiegħu, ikompli jeżisti fi frammenti żgħar inviżibbli għall-għajn tal-bniedem. Il-mikroplastiċi jinsabu kullimkien u huma tossiċi għall-ispeċijiet kollha, inklużi l-bnedmin. Ma hemm ebda soluzzjoni maġika li tagħmel il-plastik jisparixxi, ir-riċiklaġġ huwa limitat u jista’ saħansitra jkun ta’ ħsara kbira għal komunitajiet oħra ’l bogħod mill-vista. Dan huwa l-każ meta pajjiżi sinjuri jibagħtu l-plastik tagħhom f’pajjiżi mbiegħda u jheddu r-riżorsi naturali lokali u s-saħħa. Barra minn hekk, din l-istrateġija żżid it-tniġġis permezz tal-impronta tat-trasport.

Din hija r-raġuni għaliex l-indirizzar tal-konsum tal-plastik li jintuża darba biss huwa l-aktar azzjoni immedjata li nistgħu nieħdu biex innaqqsu l-iskart tal-plastik. L-UE hija konxja tal-ħsara li l-plastik li jintrema wara l-użu jikkawża lill-pjaneta tagħna u semgħet it-tħassib taċ-ċittadini. Dan hu l-mod kif fl-2019 il-Parlament Ewropew għadda liġi ġdida li tipprojbixxi oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss. Sal-2021 pereżempju, pożati, cotton buds, straws u ħawwada tal-plastik li jintużaw darba biss se jkunu pprojbiti.

Issa wasal iż-żmien li taqdi r-rwol tiegħek. Mhux faċli li nbiddlu d-drawwiet tagħna ta’ kuljum u li nevitaw il-plastik li jintuża darba biss f’kull ħin jista’ jkun diffiċli, iżda dawn huma xi suġġerimenti għalik li jagħmluha aktar faċli:

1. Mur lura għall-elementi bażiċi: Sa ftit snin ilu, il-plastik ma kienx kullimkien u n-nanniet u speċjalment il-bużnanniet xorta komplew b’ħajjithom u ħadu gost! Kienu jmorru s-suq bil-basktijiet tal-qoton tagħhom stess, kienu jagħmlu piknik b’pożati li jistgħu jerġgħu jintużaw. Ara titħajjarx mit-tendenza vintage.

2. Agħmilha divertenti: Sfida lilek innifsek u lil sħabek biex tnaqqsu l-konsum tal-plastik li jintuża darba biss. Tista’ tipprova timla’ vażett bil-plastik kollu li jintuża darba biss li tuża f’ġimgħa u tara ta’ min jimtela’ l-inqas. Dan se jservi biex tirrealizza kemm tikkonsma u se tkun sorpriż bl-ammont!

3. Kun kurjuż u sib alternattivi: Kollox sew jekk tħobb tixrob luminata friska fis-sajf bi straw, iżda għax ma tippruvax tuża waħda magħmula mill-materjal tal-bambu? jew tal-azzar, tal-karta, tal-ħġieġ? Tista’ tuża anki straws tal-għaġin! - Niskużaw ruħna mal-kċina Taljana għal dan.

4. Kun uniku: Ġorr il-kit tiegħek għall-eko-sopravivenza kullimkien! Borża tax-xiri, kikkra tal-kafè u pożati tal-bambu jew tal-metall u flixkun tal-ilma...anke fuq l-ajruplan! Ħafna nies iħossuhom imġiegħla jixtru flixkun ilma meta jivvjaġġaw għax jaħsbu li mhux se jitħallew jgħaddu mis-sigurtà tal-ajruport. Iżda fil-verità, jekk il-flixkun ikun vojt tista’ titla’ fl-ajruplan bil-flixkun tiegħek.

5. Kun kreattiv: Ibqa’ tgħallem u skopri alternattivi ġodda għall-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Pereżempju, minflok tuża l-plastik biex tgeżwer is-sandwich tiegħek tista’ toħloq it-tgeżwir tax-xama’ tan-naħal tiegħek, pjan tajjeb għal Ħadd filgħaxija d-dar.

Ftakar li qed tagħmel dan minħabba li għandek għal qalbek l-ambjent, li tipprova tagħmel l-almu tiegħek huwa diġà pass kbir u ċertament tgħin biex tagħmel differenza fil-pjaneta tagħna.

Tixtieq tmur lil hinn?

Għaliex ma tingħaqadx f’kampanji internazzjonali u koalizzjonijiet li jappellaw biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik fid-dinja!