Skip to main content
© Brian Yurasits - Unsplash © Brian Yurasits - Unsplash

Kun voluntier madwar id-dinja!

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 14/11/2022

Qed taħseb biex tagħti l-għajnuna tiegħek barra mill-Ewropa? Qed tikkunsidra tipparteċipa fl-għajnuna umanitarja? Tħobb tkun man-nies u tiskopri kulturi ġodda? Dawn huma wħud mill-ħafna opportunitajiet internazzjonali għall-volontarjat madwar id-dinja.

Bis-saħħa tal-volontarjat tiltaqa’ ma’ nies, kulturi u ħiliet ġodda filwaqt li tgħin lill-oħrajn. L-esperjenza internazzjonali li tikseb mill-volontarjat barra minn pajjiżek tista’ twasslek ukoll għal opportunitajiet ta’ karriera li tieħdok madwar id-dinja kollha!

Appoġġja komunitajiet vulnerabbli permezz tal-Volontarjat tal-Għajnuna Umanitarja tal-UE

Il-proġetti tal-azzjoni ta’ Volontarjat għall-Għajnuna Umanitarja taħt il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jeħtieġu voluntiera biex jingħaqdu mat-timijiet u l-operazzjonijiet fuq il-post. 

Lil hinn mit-tħejjija għad-diżastri u l-għajnuna f’każ ta’ diżastru, il-proġetti jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet. Tixtieq xi eżempji? Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal, il-protezzjoni tar-refuġjati u tal-persuni spostati internament, il-protezzjoni tal-migranti mingħajr dokumenti, il-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima, it-titjib tas-sigurtà tal-ikel, ...

Jekk għandek bejn 18 u 35 sena u lest li tikkontribwixxi, agħti daqqa t’għajn lejn il-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fejn tista’ tirreġistra l-profil tiegħek u tesprimi l-interess tiegħek.   Kulħadd jista’ japplika, għalhekk l-isfond speċifiku tiegħek u kwalunkwe diffikultà jew ħtieġa speċjali li jista’ jkollok ma jkunux ta’ ostaklu għall-parteċipazzjoni tiegħek. Jekk tintgħażel, se tkun tista’ tipparteċipa fi proġetti li jistgħu jdumu bejn xahrejn u 12-il xahar (jekk tmur waħdek) jew bejn ġimagħtejn u xahrejn (jekk tmur bħala membru ta’ tim ta’ mill-inqas 5 persuni). 

Il-Kummissjoni Ewropea se tiżgura li l-organizzazzjonijiet magħżula, li jibagħtu u jospitaw voluntiera żgħażagħ tal-UE se jirrispettaw għadd ta’ kundizzjonijiet, inkluż li:

  • jaderixxu mal-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, kif ukoll il-prinċipju “la tagħmilx ħsara”; 
  • ikollhom proċeduri robusti biex jiżguraw f’kull ħin is-sigurtà u s-sikurezza tal-voluntiera, inklużi pjanijiet ta’ evakwazzjoni f’sitwazzjonijiet estremi;
  • ikollhom riżorsi xierqa biex jiżguraw li l-voluntiera jkunu jistgħu jgawdu esperjenza ta’ tagħlim bis-saħħa ta’ mentoraġġ xieraq

Kif tista’ tapplika? Mur fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u esprimi l-interess tiegħek!  

Minbarra l-opportunitajiet ta’ volontarjat tal-UE, tista’ wkoll tagħmel differenza man-Nazzjonijiet Uniti

In-NU nedew programm ta’ volontarjat speċifiku għaż-żgħażagħ, il-Voluntiera Żgħażagħ tan-NU. Il-voluntiera huma żgħażagħ bejn it-18 u d-29 sena li jixtiequ jinvolvu ruħhom f’inizjattivi ta’ żvilupp u paċi madwar id-dinja; tista’ taħdem fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-kura tas-saħħa primarja, l-immaniġġjar tad-diżastri, il-konsolidazzjoni tal-paċi, l-involviment taż-żgħażagħ jew ħafna oqsma oħrajn.

Bħala Voluntier taż-Żgħażagħ tan-NU, se tgħin biex tavvanza l-paċi u l-iżvilupp sostenibbli jew f’pajjiżek stess jew f’pajjiż ieħor madwar id-dinja. Tista’ taħdem direttament f’aġenzija tan-NU jew tkun assenjat lil waħda mill-organizzazzjonijiet sħab tagħha, università jew il-gvern. Il-biċċa l-kbira tal-assenjamenti jdumu minn 6 sa 24 xahar. Il-voluntiera jirċievu allowance bażika għall-għajxien. Jekk inti voluntier barra miż-żona fejn tgħix, it-trasport u xi spejjeż bażiċi oħrajn jitħallsu mill-aġenzija li tospita. L-assenjamenti jiġu reklamati fis-sit web tan-NU taħt “Sejħiet Speċjali għall-Voluntiera”, kif ukoll permezz ta’ Facebook, Twitter u LinkedIn

Jekk għandek 25 sena jew aktar u għandek diversi snin ta’ esperjenza ta’ xogħol f’qasam speċifiku ta’ għarfien espert, għandek imnejn tirreġistra għar-Riżerva tat-Talenti Globali tal-UNV. Tista’ tkun interessat ukoll fil-volontarjat online mas-servizz ta’ Volontarjat Online tal-UNV.

Aktar ideat...

Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni għas-Servizz Volontarju Internazzjonali (CCIVS) huwa network internazzjonali inkarigat mill-koordinazzjoni tas-servizz volontarju internazzjonali (IVS) madwar id-dinja. Huwa ma jimpjegax voluntiera iżda jsiblek il-kuntatt tal-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat fil-pajjiż ta’ residenza tiegħek jew f’pajjiż ġar.

Barra minn hekk, tista’ tesplora s-sit Service Civil International, li huwa organizzazzjoni ddedikata għall-volontarjat għall-paċi mill-1920 ’l hawn. L-organizzazzjonijiet tal-SCI joħolqu opportunitajiet ta’ volontarjat ta’ kwalità fuq terminu qasir u twil madwar id-dinja li huma miftuħa għal persuni ta’ kull età. Il-voluntiera jistgħu jipparteċipaw fi proġetti f’pajjiżhom stess jew barra mill-pajjiż. 

Tista’ wkoll tagħti ħarsa lejn l-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tas-Servizz Volontarju Ewropew. L-organizzazzjonijiet membri tagħha jmexxu proġetti volontarji internazzjonali f’pajjiżhom stess u jiskambjaw voluntiera ma’ xulxin. Huma jsegwu l-Karta ta’ Kwalità tal-Alleanza li tenfasizza l-valur miżjud tal-volontarjat, l-aspett edukattiv tiegħu u l-istandards ta’ kwalità li għandhom jiġu segwiti li dwarhom isir qbil mill-membri.