Skip to main content
© Taylor Foss - Unsplash © Taylor Foss - Unsplash

Rotot fantastiċi u tradizzjonijiet li jqajmu l-biżgħa fl-Ewropa

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 21/10/2024

Lesti tindigaw f’wħud mill-iktar tradizzjonijiet li jqajmu l-biżgħa Ewropej?

It-tfal tas-snin 90 li raw il-film ta’ Tim Burton "Nightmare Before Christmas" setgħu ħassewhom trawmatizzati minn dik l-esperjenza. Huwa minnu wkoll li llum il-ġurnata film bħal "Coco", li jiċċelebra l-vaganza Messikana, Dia de los Muertos, jagħti lok għal mumenti li jqanqlu l-qalb u l-emozzjonijiet (lilkom qed ngħidu, adulti hemm barra). 

Madankollu, jekk qed tfittex stejjer tassew misterjużi u daqsxejn tal-biżgħa, kulma għandek tagħmel huwa li tistaqsi. Dejjem hemm lok li tħoss ġismek iqumlek xewk xewk, speċjalment madwar l-Ewropa matul dan iż-żmien tas-sena.

Għalhekk, ħu tazza tè f’idejk (jew biċċa kejk) u ppjana l-mawra Ewropea li jmiss b’doża ta’ misteru u ftit biżgħa!

Il-bidu (probabbilment)

Kont taf li l-Halloween, diminutiv tal-Ingliż “All Hallows Eve”, iċċelebrat minn ħafna, għandu l-oriġini tiegħu fir-ritwal Ċeltiku li jismu Samhain, li jfisser “tmiem is-sajf”? Dak iż-żmien, is-sena l-ġdida kienet tibda fl-1 ta’ Novembru. Fil-lejl ta’ qabel, il-popolazzjoni li kienet tikkonsisti l-aktar minn bdiewa, kienet tirringrazza għall-ħsad tas-sajf u tagħmel it-tħejjijiet għax-xhur tax-xitwa li jkunu ġejjin. 

Kienu jemmnu li f’dak il-lejl, speċi ta’ velu li jissepara ż-żewġ dinjiet: il-mejtin u l-ħajjin, isir dejjem irqaq, sakemm l-ispirti jsibuha faċli li jiġu fuq in-naħa tal-ħajjin għal żjara qasira.

Qatt smajt bil-leġġenda ta’ Stingy Jack? Dan kien bniedem imbroljun xurban Irlandiż, li, wara li pprova jidħak bil-Mewt għal xi drabi, ittradih il-fwied u ġiegħel lil ġismu stess imut. Il-karma għamlet il-bqija u miskin Jack ma daħħluhx mill-kanċell tal-Infern. Spiċċa kkundannat għal ħajja bejn iż-żewġ dinjiet, miexi 'l hemm u 'l hawn b’ġamra tixgħel ġo ġidra mħaffra. 

Minn hawn probabbilment bdiet it-tradizzjoni tal-lum ta’ Jack-o-lantern ta’ qargħa ħamra b’dawl fiha li ddawwal it-triq tat-tfal li jmorru bieb bieb, lebsin kostum waqt li jimitaw l-ispirti. 

Nidħlu fil-burdata: fejn sejrin? 

Jekk inżommu mat-tema (u maż-żona ġeografika), m’hemmx post aħjar mir-Renju Unit biex tqatta’ l-vaganzi tiegħek f’Novembru. Dan jista’ jkun iċ-ċans tiegħek biex iżżur lil Nessie, il-mostru leġġendarju ta’ Loch Ness, kreatura tal-Highlands Skoċċiżi li saret popolari fis-snin 30.

Ladarba tkun fuq il-gżira, ibda ħossok beżgħan billi tmur fil-ħabsijiet ta’ taħt l-art ta’ Londra jew ta’ Edinburgh, jew it-tnejn li huma jekk tixtieq. Jekk ma tantx tapprezza tkun taħt l-art stenna sal-5 ta’ Novembru (“Remember Remember...”) u jekk int dilettant ta’ “V for Vendetta” ċertament m'għandekx titlef Guy Fawkes Day. Nirien u logħob tan-nar idawlu l-belt bi tfakkira tal-Plot tal-Porvli tal-1605 meta Fawkes, konspiratur Kattoliku pprova jesplodi l-Bini tal-Parlament u falla fit-tenttattiv li joqtol lir-Re Protestant James I.

Jekk taqsam il-kanal u taqbad id-direzzjoni tal-kontinent, tista’ żżur il-Mużew tat-Tortura f’Amsterdam. Dan se jagħtik l-opportunità tfittex fil-fond fl-istorja tal-Ewropa u tosserva, fost affarijiet oħra, 40 strument ta’ kastig u tortura li ġejjin minn diversi pajjiżi. 

U la qed nitkellmu dwar l-għodda, kont taf li f’Jum il-Qaddisin kollha, xi Ġermaniżi kienu jaħbu s-skieken fid-djar? Għaliex? Biex ma jmorrux iweġġgħu lill-iħirsa u lill-ispirti, li x’aktarx li jkunu membri tal-familja mejtin, li jistgħu jkunu qed jagħmlu xi passiġġata mad-dar f’dak il-jum. U kont taħseb li l-ispirti m’għandhomx ġisem!

Milli jidher jista’ wkoll jaqbadhom il-ġuħ/ u/jew l-għatx u minħabba f’hekk, b’mod konsistenti mal-vizzju tat-tfal li jħallu l-ħelu għal Santa Claus, l-Awstrijaċi jipprovdu ħobż u ilma tax-xorb lill-ispirti li forsi jkollhom aptit inaqqru xi ħaġa. 

Madankollu, tista’ tippreferi timmaġina lill-erwieħ b’mod aktar tanġibbli, forsi fi grupp ta’ għadam jiċċaqlaq u animat fl-għamla ta’ skeletru. Hemm tliet postijiet differenti fi tliet pajjiżi Ewropej li se jissodisfaw il-kurżità tiegħek, ejjew immorru mil-Lvant għall-Punent.

Mhux 'il bogħod minn Praga, il-belt kapitali tar-Repubblika Ċeka, tinsab il-belt ta’ Kutná Hora bi ftit aktar minn 20,000 resident, Ossarju Sedliku, li hu Kappella Kattolika Rumana li nħoloq fl-1278 u li jinsab taħt il-Knisja taċ-Ċimiterju tal-Qaddisin Kollha. Qatt rajt linfa kbira magħmula mill-għadam? U mhux għadam bl-addoċċ! Waqt li tkun qed tiċċassa lejha nisfidawk tipprova tara kull waħda mill-aktar minn 200 tip differenti ta’ għadam tal-ġisem tal-bniedem. L-Ossarju fih innifsu fih bejn 40,000 u 70,000 skeletru, aktar minn tliet darbiet il-popolazzjoni attwali tal-eqreb belt.

Titjira qasira jew vjaġġ twil bil-ferrovija lejn l-Italja u tista’ tassisti għal xenarju simili iżda din id-darba, fiċ-ċentru tal-kapitali ekonomika tal-pajjiż, Milan. Waqfa ta’ malajr fil-metro ta’ San Babila, u eżatt wara d-Duomo maestuż, issib santwarju żgħir u verament speċifiku: San Bernardino alle Ossa. Għadam u kranji minflok wallpaper, għadam u kranji fuq is-saqaf, għadam u kranji kullimkien. Milli jidher, fil-bidu tal-aħħar Millenju, ma kienx hemm biżżejjed spazju għall-għadam li kien ġej mill-isptar fil-qrib, u għalhekk kellhom ikunu ftit kreattivi.

Iktar lejn il-Punent, fil-belt Portugiża ta’ Evora, tista’ ssib ossarju bbażat fuq dak Taljan, Kappella tal-Għadam tas-seklu 16 li tilqa’ lill-viżitaturi b’iskrizzjoni li verament tieħu gost biha: “Nós ossos que aqui estamos, pelos vossos esperamos,” jew: “Aħna l-għadam, qegħdin hawn, nistennew lill-għadmek. Bdejt tibża xi ftit?

U ċ-ċirasa fuq il-kejk u post pjuttost famuż: il-Kastell ta’ Bran (magħruf ukoll bħala l-Kastell ta’ Drakula) fi Transilvania. Tħallix barra wieħed mill-postijiet marbutin mal-vampir leġġendarju u spiċċa d-dawra tiegħek b’piknik tal-biżgħa fil-Foresta Rumena Hoia Baciu magħmula minn siġar ħelwin imma mgħawġin li se jġegħluk tħossok nostalġiku għall-Foresta Pprojbita ta’ Hogwarts.

Ladarba tkun hemm, ifrex dvalja tipika ħafna ħamra u bajda b'disinn ta’ kaxex, u fuqha poġġi ftit tuffieħ tat-toffee, porzjoni ta’ xi tip ta’ qargħa ħamra u ftit “fave dei morti” kif isejħulhom it-Taljani “ful tal-mejtin”.

Issa għandek l-istejjer, għandek l-ikel u għandek il-postijiet x’iżżur. Agħżel kostum u ħalli lilek innifsek tinġibed minn dawn it-tradizzjonijiet il-qodma Ewropej u tinkwieta xejn, liżar antik b’żewġ toqob għadu jgħaddi.