© calvinhanson - Unsplash
L-ajruplan mhux l-unika għażla
L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 13/11/2023
Billi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej jinsabu viċin ta' xulxin, kultant tista' tilħaq id-destinazzjoni tiegħek b'modi differenti: il-ferrovija, il-karozza tal-linja, il-vapur huma biss xi wħud mill-għażliet li bihom wieħed jista' jivvjaġġa u jesplora l-Ewropa.
Rota
Suq ir-rota fl-Ewropa kollha, idħol b’ruħek u b’ġismek għal vjaġġ avventuruż u sostenibbli. Hemm aktar minn 90,000 km ta’ rotot għaċ-ċiklisti biex tesplora l-Ewropa. Ibda ppjana l-vjaġġ tiegħek u kkalkula kemm jiem għandek bżonn biex tagħmel ir-rotta EuroVelo tiegħek.
Ferrovija
Poġġi bilqiegħda u strieħ filwaqt li tgħaddi qalb il-kampanja Ewropea! L-ivvjaġġar bil-ferrovija huwa mod perfett biex tmur minn belt għal oħra, fi gruppi kbar u żgħar. Hu wkoll mod ta’ trasport aktar ekoloġiku!
Meta tibbukkja bil-quddiem permezz ta’ riżorsi bħal InterRail, Rail Europe, Eurail, Omio jew RegioJet tkun tista’ tagħmel l-itinerarju perfett għall-vjaġġ tiegħek. Bl-għażla li tivvjaġġa billejl, tista’ wkoll tistrieħ qabel tasal fid-destinazzjoni li jmiss. Ftakar li trid tagħti kas tal-vjaġġaturi l-oħrajn jekk tagħmel il-vjaġġ billejl tiegħek jew fi gruppi kbar. Mhux kulħadd jixtieq joqgħod jiddeverti f’nofs ta’ lejl!
Karozza tal-linja
L-ivvjaġġar bil-karozza tal-linja jaqsam xi ftit mill-vantaġġi tal-ferrovija, bħall-opportunità li tgawdi l-veduta u li tivvjaġġa matul il-lejl. Anke jekk tista' tkun anqas veloċi f'ċerti punti, din tista' tkun l-unika għażla tiegħek biex tasal f'lokalità mbiegħda. Tista’ pereżempju tuża Omio, Busbud jew Comparabus biex issib l-orħos prezzijiet.
Karozza
Sew jekk għandek karozza u sew jekk le, tista' xorta waħda tagħżel il-karozza bħala l-mod ta' trasport tiegħek mal-Ewropa. Tista’ tuża għodda ta’ tqabbil bħal RentalCars, Kayak jew Auto Europe. Tista’ wkoll taqsam karozza ma’ oħrajn bir-Road Sharing. Dawn l-għażliet jistgħu jgħinu biex il-vjaġġ tiegħek isir aktar flessibbli, soċjali u aktar ekoloġiku! Hemm ukoll l-applikazzjoni Blablacar, li tikkonnettja lis-sewwieqa li għandhom postijiet vojta ma' nies li jkunu qed ifittxu rikba mal-Ewropa.
Ikunu x’ikunu l-għażliet, ara li tiċċekkja l-kundizzjonijiet (u l-evalwazzjonijiet!) tal-assigurazzjoni, u dejjem ħu miegħek kopja tal-ibbukkjar tiegħek. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tal-karozzi jimblokkaw l-ammont ta’ flus fuq il-Visa/MasterCard tiegħek bħala depożitu. Ara li jkollok din il-kapaċità fuq il-karta tal-kreditu tiegħek, inkella jkollok tħallas assigurazzjoni żejda.
Ferry
Forsi qatt ma għaddielek minn moħħok, iżda vapur matul il-lejl jista' kultant ikun l-aħjar għażla għalik, b'mod speċjali jekk tinsab fil-Mediterran jew fl-Iskandinavja. Iċċekkja pereżempju Ferrylines.com jew Aferry.com u agħżel rotta li tixraq l-aħjar għalik!
Ikun xi jkun il-mezz ta' trasport li tagħżel għall-vjaġġ tiegħek, qis li tkun infurmat dwar drittijietek bħala passiġġier. Iddawnlowdja l-app dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri fuq l-ismartphone u tkun lest biex titlaq!