Oslo hija eżempju perfett ta’ belt li tgħaqqad bini antik sabiħ ma’ arkitettura moderna fi spazju urban li huwa sostenibbli u aċċessibbli għal kulħadd. In-Norveġja, flimkien ma’ pajjiżi Nordiċi oħra, hija parti minn Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) – il-proġett Nordiku tal-Bauhaus Newtrali għall-Karbonju, li jesplora l-arkitettura, id-disinn u l-arti biex ifittex modi kif jibni l-affarijiet u jgħix b’mod newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju u inklużiv.
Bħala l-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea 2019, Oslo għandha ħafna attrazzjonijiet li nbnew b’kunsiderazzjoni tal-aċċessibbiltà. Żur il-Mużew Nazzjonali l-ġdid – l-akbar mużew tal-arti fil-pajjiżi Nordiċi - u se tara kif għandu l-għan li jagħmel l-arti disponibbli għal kulħadd. Dan ma jfissirx biss għat-tfal u għall-familji, iżda għal persuni b’varjetà ta’ ħtiġijiet, bħal dawk li jużaw is-siġġu tar-roti, persuni b’vista batuta jew b’insuffiċjenza fis-smigħ, u dawk li jeħtieġu klieb ta’ assistenza. Minbarra l-promozzjoni tal-inklużività, il-mużew il-ġdid jagħmel enfasi qawwija fuq is-sostenibbiltà u ġie żviluppat b’għanijiet klimatiċi ambizzjużi, bħala parti minn proġett pilota mill-programm FutureBuilt tan-Norveġja. Post ieħor li wieħed għandu jara huwa l-Pjazza Schandorff, li ġiet ittrasformata minn parkeġġ tal-karozzi fi spazju aħdar urban.
Meta tkun Oslo, titlifx iċ-ċans li tidħol b’ruħek u b’ġismek fil-kultura tal-aħħar popli indiġeni superstiti tal-Ewropa, is-Sami, bi żjara fin-Norsk Folkemuseum.
Gothenburg, li hi storikament magħrufa għall-port marittimu tagħha (l-akbar fil-pajjiżi Nordiċi), evolviet matul is-snin f’ċentru urban vibranti, mimli bi spazji ekoloġiċi, sostenibbli u inklużivi, li jirriflettu b’mod sħiħ il-valuri tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB).
Min iżur il-Park Regnlekplatsen se jsib park tradizzjonali fil-belt li ġie ttrasformat f’post tal-logħob modern “tax-xita”, b’għażliet biex wieħed jilgħab fuq barra anke meta tagħmel ix-xita. Għalkemm il-post tal-logħob inbena għat-tfal, huwa spazju pubbliku li jista’ jitgawda minn nies ta’ kull età, u ġawra moħbija għar-residenti ta’ Gothenburg.
Jekk iżżurha din is-sena, se tkun parti minn xi ħaġa speċjali. Gothenburg se tkun qed tiċċelebra l-400 anniversarju, li ma setax jiġi ċċelebrat fi żmienu minħabba l-COVID, billi se tbiddel l-ispazji pubbliċi tal-belt f’esibizzjoni fl-apert. Se turi proġetti żviluppati minn ideat proposti mir-residenti lokali, b’enfasi fuq it-trasformazzjoni urbana, is-sostenibbiltà u l-inklużjoni.
Reċentement Gothenburg irċeviet premju tal-fidda fl-ewwel edizzjoni li qatt saret tal-Premjijiet tal-Bliet Kapitali tal-UE għall-Inklużjoni u d-Diversità għall-appoġġ tal-inklużjoni tal-komunità Romani. Gothenburg, li hi magħrufa wkoll għall-inizjattivi tagħha biex jappoġġjaw il-familji LGBTQ+ fl-edukazzjoni preprimarja, rebħet il-Premju Access City fl-2014, u nħatret Belt Kapitali Ewropea tat-Turiżmu Intelliġenti fl-2020.
F’konformità sħiħa mal-valuri tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB), Jönköping hija belt li taħdem mill-qrib ma’ persuni ta’ kull età u ma’ gruppi soċjali fl-iżvilupp urban tagħha. Hi rebħet il-Premju Access City fl-2021 talli għamlet il-belt aktar aċċessibbli għal dawk b’diżabbiltajiet. It-titjib fil-bliet kollha jinkludi mapep u sinjali tattili, gwidi tal-awdjo aċċessibbli, pavimentar tattilu, informazzjoni dwar il-bliet li jinqraw faċilment, bankini aċċessibbli, u aċċess għas-siġġijiet tar-roti mingħajr ostakli.
Wieħed ma jistax jonqos li jżur il-mużew tal-arti kontemporanja tal-belt, Österängens Konsthall. Dan hu parti minn moviment Żvediż biex l-arti ssir aktar aċċessibbli għal persuni ta’ kull età u sfond, u joffri sessjonijiiet ta’ ħidma għat-tfal filwaqt li jservi wkoll bħala ċentru tal-komunità.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ spazji fuq barra, Jönköping hi popolari għall-attivitajiet tan-naturi mfassla ferm tajjeb u aċċessibbli, b’lista sħiħa ta’ mogħdijiet għall-mixi fil-belt li huma tajbin għal min juża siġġu tar-roti. Wieħed ma jistax jonqos li jżur ukoll il-park ewlieni tal-belt, tant maħbub minn kulħadd, b’żoni li tħallew fi stat naturali, żoni magħulqin tal-annimali, mużew fl-apert u mużew tal-għasafar, ristoranti u kafetteriji, żona għal-logħob tat-tfal, minigolf, u stadium – u ma ninsewx il-mogħdijiet għall-mixi ddedikati lill-aktar nisa prominenti tal-Iżvezja.
Holbæk hija destinazzjoni li mhux soltu li wieħed iżur, iżda għandha ħafna x’toffri. Fil-port, se ssib bastimenti sbieħ u qodma tal-injam, kif ukoll ristoranti u postijiet fejn tista’ tissellef rota mingħajr ħlas. Jekk tinteressak l-istorja, bilfors trid iżżur il-mużew ta’ Holbæk museum – kumpless ta’ 12-il dar li juri kif kienu jgħixu n-nies ta’ Holbæk matul is-sekli.
Il-proġett Homeless Housing tagħha minn Astrid Lykke Nielsen kien ir-rebbieħ tar-Rising Star Award winner tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) fl-2021. Il-proġett għandu l-għan li jimla l-vojt li ħallew is-sistemi ta’ akkomodazzjoni attwali billi jipprovdi alternattivi li jagħtu prijorità lil sens ta’ komunità kif ukoll ta’ privatezza individwali. “Homeless Housing” għandu l-għan jevita l-mentalità temporanja ta’ ħafna soluzzjonijiet għaċ-ċittadini mingħajr dar bill jiżviluppa djar permanenti, sostenibbli, attraenti u ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini li jkunu mingħajr saqaf fuq rashom.
Fi bnadi oħra, il-belt tiffoka fuq attivitajiet għall-anzjani. Pereżempju, għandha attivitajiet u ċentri tas-saħħa ddedikati, u waqqfet Kunsill tal-Anzjani elett, li jaħdem mal-kunsill tal-belt biex iqajjem kwistjonijiet li huma importanti għall-membri anzjani tal-komunità.
Titlifx ir-rotot tal-mixi li jgħaqqdu l-belt mal-ibliet viċin. Fost l-aktar rotot popolari hemm il-mogħdijiet tal-fjord, tal-età tas-silġ u tal-artijiet mistagħdra, li jistgħu jintlaħqu jew bil-mixi jew bir-rota. Barra minn hekk, l-osservatorju fl-għoljiet ta’ Brorfelde, eżatt barra l-belt, huwa l-akbar wieħed tad-Danimarka. Huwa aċċessibbli bis-siġġu tar-roti u joffri attivitajiet binhar u billejl.
Id-Danimarka hija magħrufa għall-estetika tad-disinn eleganti u funzjonali tagħha, u għall-ħila tal-poplu tagħha li jibqa’ jħossu komdu u kuntent matul ix-xtiewi twal (hygge). Copenhagen hija eżempju eċċellenti ta’ dawn l-attributi. Barra minn hekk, hija waħda mill-aktar bliet favur ir-roti fid-dinja u ssemmiet bħala waħda mill-aktar bliet fejn in-nies huma kuntenti li jgħixu fiha. Riflessjoni reali tal-valuri tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB)!
Copenhagen rebħet il-Premju Eurocities tal-2021 għall-proġett ta’ disinn mal-belt kollha li jinvolvi 300 sit li huma mfassla biex jaħżnu l-ilma tax-xita żejjed filwaqt li jtejbu l-ispazji pubbliċi. Barra minn hekk, il-belt inħatret bħala l-Kapitali Dinjija tal-Arkitettura għall-2023 mill-UNESCO, mhux l-inqas minħabba l-preżenza tal-Grupp Bjarke Ingels. Ara ftit il-pista tal-iskijjar fil-proġett mill-iskart għall-enerġija tagħhom!
Sadanittant, il-bini antik Billedvej huwa taħlita bilanċjata ta’ antik u ġdid. Il-proġett ta skop ġdid lil bini eżistenti fuq is-sit u estendih vertikalment biex jakkomoda kemm lin-negozji kif ukoll lin-nies, filwaqt li bbilanċja l-ispazji privati, pubbliċi u komuni. Hu mfassal għall-inkwilini b’livelli differenti ta’ introjtu peress li kkombina appartamenti ta’ daqsijiet differenti. Dan l-approċċ huwa magħruf li jżid it-tolleranza għad-diversità u jtejjeb il-kwalità tal-akkomodazzjoni, li jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà soċjali.
F’Copenhagen hemm ukoll l-Akkwarju Pjaneta Blu, li huwa kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabbilitajiet. Il-bini jispikka wkoll għall-arkitettura innovattiva u sostenibbli tiegħu. Minn fuq, l-akkwarju qisu belliegħa ta’ ilma tonda, u mil-livell tal-art jidher qisu qed iżomm fil-wiċċ ta’ għadira ta’ ilma riflettiva u ċirkolari.
Hamburg hija magħrufa għall-inizjattivi ekoloġiċi u sostenibbli tagħha li jirriflettu l-valuri u l-objettivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB). Fl-2021, rebħet il-premju tal-Belt Ekoloġika tas-Sena, u fl-2011 inħatret il-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea. Minbarra l-ideat sostenibbli u ekoloġiċi tagħha, il-viċinati tagħha huma eżempji ta’ żoni metropolitani verament inklużivi u moderni, kollha fatturi li jwasslu biex wieħed jieħu gost iżur din il-belt.
HafenCity hija waħda mill-aktar żviluppi ambizzjużi fil-belt interna ta’ Hamburg. Fi ftit snin biss, HafenCity ġiet trasformata minn port industrijali bi kważi l-ebda resident fi spazju urban b’pajsaġġ soċjali u kulturali divers. Għall-kuntrarju ta’ ħafna żoni popolari fil-bliet, l-iżvilupp mhuwiex iddominat minn unitajiet domestiċi b’persuna waħda. Il-firxa wiesgħa ta’ kunċetti tal-għajxien, il-livelli tal-prezzijiet u l-istili arkitettoniċi jattiraw taħlita diversa ta’ residenti, flimkien ma’ organizzazzjonijiet soċjali li huma attivi fis-setturi tal-kura u tal-infermerija. Diversi spazji fid-distrett tal-maħżen storiku biswit (Speicherstadt), bħala Siti ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO, jistħoqqilhom żjara. Sadanittant is-sala tal-kunċerti Elbphilarmonie Hamburg, li nfetħet fl-2017, għandha faċċata moderna impressjonanti.
Fis-suq tal-ħut legendarju ta’ Hamburg, li jiftaħ il-Ħdud fil-5 a.m. jew fis-7 a.m., se tara sezzjoni trasversali tal-abitanti tal-belt. Il-bejjiegħa li jqumu kmieni jew li jkunu hemm saħansitra mal-lejl biex jippromwovu b'mod qawwi l-prodotti tagħhom (mhux biss il-ħut, iżda l-frott, il-ħaxix, il-ġobon u aktar), u l-familji li jagħmlu x-xirja tagħhom ta’ kull ġimgħa.
Nikosija għandha storja rikka u mimlija tensjoni. Il-belt hija meqjusa bħala l-“aħħar kapital maqsuma fid-dinja”. Karatteristika distintiva kkaratterizzata mil-Linja l-Ħadra, li tiddelimita l-komunità li titkellem bil-Grieg mill-komunità li titkellem bit-Tork fit-Tramuntana. Madankollu, bis-saħħa tal-laxkar tar-restrizzjonijiet fil-fruntieri fil-bidu tas-snin 2000, tista’ żżur iż-żewġ naħat ta’ Nikosija.
F’postijiet bi storja diviżiva bħal din, huwa importanti li nfittxu l-għaqda. Il-kapitali Ċiprijotta tilqa’ l-proġett tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB), Ġonna tal-Futur li rebaħ il-vot tal-pubbliku fil-kategorija “Regaining a sense of belonging”. Il-ġonna huma mfassla biex ikunu spazju inklużiv u kondiviż li jista’ jgħin biex jgħaqqad il-komunitajiet, u jqajjem mill-ġdid is-sens ta’ appartenenza u konnessjoni tan-nies.
Il-proġett Ġonna tal-Futur għandu erba’ għanijiet ewlenin: li jħeġġeġ l-iżvilupp sostenibbli; li jkollu rwol fl-ekonomija ċirkolari billi juża filosofija ta’ “bini mill-iskart”; li n-nies tal-lokal ikunu jistgħu jsiru intraprendituri agrikoli u jingħata appoġġ lill-ambizzjoni soċjali ekoloġika tagħhom; u li jkollu impatt estensibbli, li jaġixxi bħala mudell għal proġetti simili oħra f’Ċipru.
Għalkemm Nikosija tħares lejn il-futur, għandha storja rikka għalik biex tesploraha meta żżurha. Il-Mużew ta’ Ċipru fih xi sejbiet arkeoloġiċi tal-gżira, bħall-fuħħar, il-ġojjellerija, l-iskulturi u l-muniti, li jmorru lura għall-perjodu Neolitiku, l-Era Ġlaċjali, Żmien il-Bronż u ż-żminijiet Greko-Rumani.