Skip to main content
A young person moving in to a new house © Monkey Business Images/Canva, 2023

X’inhu l-kunċett tad-“dar” għaż-żgħażagħ Ewropej?

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 20/06/2023

<p>Probabbilment smajtha din, “id-dar mhijiex post, hija sensazzjoni”. Madankollu, l-aħħar data dwar iż-żgħażagħ u l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni mill-Eurostat - l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea - tista’ tħalli liż-żgħażagħ Ewropej iħossuhom skomdi dwar il-futur tagħhom. Ejjew inħarsu lejn is-sitwazzjoni attwali tas-suq tad-djar li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ.</p>

X’inhi s-sitwazzjoni?

L-akkomodazzjoni deċenti hija kundizzjoni essenzjali biex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tal-ħajja tal-bniedem u tippermettilna l-aċċess għal garanziji soċjali u ekonomiċi. Madankollu, l-aħħar data tal-Eurostat turina li l-kwalità tal-akkomodazzjoni għal xi żgħażagħ Ewropej mhix tissodisfa din l-aspettattiva.  

Is-sitwazzjoni tista’ tkun aħjar - prezzijiet mhux affordabbli, akkomodazzjoni ffullata u privazzjonijiet severi ta’ akkomodazzjoni għadhom qed jikkawżaw problemi. 

Skont l-aħħar data disponibbli mill-2020, kważi 28% taż-żgħażagħ (bejn il-15 u d-29 sena) fl-UE ġew affettwati minn akkomodazzjoni ffullata żżejjed. Iċ-ċifra żdiedet b’1.5% meta mqabbla mas-sena ta’ qabel u kienet tabilħaqq ogħla għaż-żgħażagħ milli għall-popolazzjoni kollha kemm hi.

Prezzijiet m’għola s-smewwiet tad-djar jaffettwaw ukoll liż-żgħażagħ, u meta jkunu daqs jew aktar minn 40% tal-introjtu disponibbli tal-unità domestika, dan huwa piż kbir. Filwaqt li l-perċentwal taż-żgħażagħ affettwati minn prezzijiet estremament għoljin huwa simili għal dak li jaffettwa l-popolazzjoni ġenerali, teżisti differenza notevoli bejn iż-żgħażagħ li jinsabu f’riskju li jgħixu fil-faqar u dawk li mhumiex. Fost dawk f’riskju ta’ faqar, 40.8% taż-żgħażagħ kienu affettwati mir-rata tal-piż eċċessiv tal-prezzijiet.

Problemi?

Filwaqt hemm differenzi fl-età (il-medja tal-2021 kienet 26.4 sena) u l-ġeneru (in-nisa jitilqu qabel il-kontropartijiet maskili tagħhom) meta ż-żgħażagħ jiddeċiedu li jitilqu mid-dar tal-familja tagħhom u jibdew ħajjithom b’mod indipendenti, in-nuqqas ta’ aċċess reali għal akkomodazzjoni affordabbli u deċenti jhedded il-pjanijiet taż-żgħażagħ ta’ emanċipazzjoni. 

Barra minn hekk, il-pandemija aggravat il-perspettivi taż-żgħażagħ dwar l-akkomodazzjoni u l-opportunitajiet ta’ impjieg. Dan iwassal għal sitwazzjoni prekarja fejn l-insigurtà tal-akkomodazzjoni taffettwa l-ħaddiema żgħażagħ inattivi u l-persuni qiegħda. 

Filwaqt li l-qgħad u l-prezzijiet sproporzjonati tal-akkomodazzjoni għadhom problemi serji, hemm fenomenu ieħor, li jimpedixxi l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ għall-indipendenza. Hekk kif iż-żgħażagħ għandhom it-tendenza li jivvjaġġjaw lejn bliet akbar biex ifittxu l-opportunitajiet it-tajbin għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom, huma jikkompetu wkoll mas-suq dejjem jikber tal-kirjiet qosra għat-turiżmu. 

Huwa ovvju li s-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni qed ikollha impatt enormi fuq is-saħħa mentali, taż-żgħażagħ kif jingħad fl-artiklu tal-EURACTIV.

Konsegwenza oħra inqas ovvja hija l-effett li din il-kriżi qed ikollha fuq is-settur kulturali. Il-kreaturi u l-artisti żgħażagħ qed jiġu mbuttati ’l barra mill-ibliet, minħabba ż-żieda kostanti fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni. Fl-ibliet fl-Ewropa kollha, ix-xena kulturali sejra lura, peress li l-artisti m’għandhom l-ebda ċans li jiksbu l-opportunitajiet it-tajba. 
 

 

Eurodesk Brussels Link intervistat lil Nikolina u Sabri mill-ESN, li tkellmu dwar il-problemi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ meta jkunu qed ifittxu akkomodazzjoni u kif jistgħu jiġu solvuti. 

X’jista’ jsir?

Filwaqt li la hemm soluzzjoni sempliċi u lanqas soluzzjoni rapida biex tgħin liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tal-akkomodazzjoni, xi kummentaturi qed isejħu għal aktar akkomodazzjoni soċjali, jiġifieri, akkomodazzjonijiet żviluppati mill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jew mill-gvernijiet biex b'hekk jitħallew bi prezz aktar baxx mill-akkomodazzjonijiet fis-suq privat. 

Hu importanti li niżguraw li jiġi żgurat l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol fejn jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u jagħmlu l-aħjar użu mill-ħiliet tagħhom f’kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u ta’ sodisfazzjon – inkluż salarju deċenti iżda mhux limitat għal dan biss kif iddikjarat fl-Għan Nru 7 tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ.

Dan l-aħħar l-UE laħqet ukoll ftehim dwar regoli ġodda għal pagi minimi adegwati fl-UE li wieħed jittama li se jkunu ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol u jaċċessaw akkomodazzjoni deċenti. Għad hemm ħafna xi jsir biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom din l-aċċessibbiltà, iżda l-ftehim milħuq huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.