Ħafna drabi l-belt ta’ Strasburgu titqies bħala l-ħolqa bejn il-kultura Franċiża u dik Ġermaniża, u ċ-ċentru kollu tagħha huwa sit ta’ patrimonju tal-UNESCO. Il-belt kienet waħda mill-finalisti tal-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa fl-2021, u qiegħda fuq quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-inizjattivi għat-titjib tal-kwalità tal-arja. Fl-2012, Strasburgu nediet il-karta Ilkoll magħqudin għal aktar bijodiversità, li tipproteġi l-foresti, il-parks, u l-ħajja selvaġġa tal-belt billi toħloq ħabitats għal speċijiet bħan-naħal, tiskoraġġixxi l-użu tal-pestiċidi fuq l-għelejjel, u tinstalla soqfa ħodor fuq il-bini. Aktar minn hekk, jekk dejjem ħlomt li tkun f’żewġ pajjiżi f’daqqa, allura Strasburgu huwa l-post li għandek iżżur. Imxi lejn il-pont fil-Ġnien taż-Żewġt Ixtut – hemmhekk tista’ toqgħod b’sieq waħda fi Franza u l-oħra fil-Ġermanja!
Il-Belt tal-Lussemburgu hija l-mimmi ta’ għajnejn il-Lussemburgu – l-uniku Gran Dukat fid-dinja. Aktar minn terz tal-belt huwa ddedikat għall-parks u l-ġonna, u l-aħjar li tesploraha huwa bil-mixi jew bir-rota. Il-Belt tal-Lussemburgu, li tinsab bejn il-widien dojoq tax-xmajjar Pétrusse u Alzette, hija żona ħadra li m’għandekx titlef. It-trasport pubbliku kollu fil-pajjiż huwa bla ħlas u għalhekk għaliex ma tapprofittax ruħek billi tirkeb karozza tal-linja mill-istazzjon ċentrali u tmur sal-lag sabiħ ta’ Echternach? Ħu ktieb u xi bukkun ħafif għal piknik u f’temp ta’ siegħa tkun qed tiekol max-xatt tal-lag!
Leuven, li fl-2018 rebħet il-Premju Ewropew Green Leaf, hija belt universitarja storika li tinsab 25km fil-Lvant tal-belt kapitali Belġjana, Brussell. Il-belt iffissat mira ambizzjuża rigward l-emissjonijiet bil-għan li sal-2030 tkun saret newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u t-trasport madwar il-belt għamlitu aktar ekoloġiku billi introduċiet żoni bla karozzi u billi tejbet in-network tar-roti. Il-ġnien botaniku ta’ Leuven imur lura għall-1738 u huwa l-post perfett biex tieħu ritratti tajbin għall-Instagram ta’ pjanti tropikali meraviljużi. Jekk ma jirnexxilekx tmur Leuven, xorta waħda tista’ żżur il-ġonna: b’mod diġitali!
Essen, waħda mill-ġawhriet moħbijin tal-Ġermanja, daħlet għal impenji biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima, tintroduċi spazji ekoloġiċi, u ttejjeb il-kwalità tal-arja lokali. Tul dawn l-aħħar 40 sena, Essen ittrasformat lilha nnifisha minn komunità ffukata fuq l-estrazzjoni tal-faħam u l-produzzjoni tal-azzar għal belt ekoloġika li tirrispetta l-ambjent. Din it-trasformazzjoni ġiet rikonoxxuta fl-2017, meta ġiet iddikjarata bħala l-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa. Biex issir taf aktar dwar il-passat industrijali tal-belt u dwar t-tranżizzjoni ekoloġika tagħha, tonqosx milli żżur il-Mużew tar-Ruhr. Il-mużew, li jinsab f’minjiera tal-faħam li m’għadhiex tintuża, huwa biċċa mill-istorja kulturali li tirrakkonta l-istorja tal-Wied tar-Ruhr.
Nijmegen tinsab fuq ix-xtut tax-xmara Waal, u ngħatat it-titlu tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa fl-2018. Kienet id-destinazzjoni tal-ewwel laqgħa informali li qatt saret tad-DiscoverEU, fl-2019. Il-belt, li ħarġet minn insedjament Ruman, illum hija ċentru kemm kulturali kif ukoll ambjentali. Il-mira tagħha hi li sal-2050 tkun saret “reżistenti għall-klima” u qed tilħaq dan l-għan bl-appoġġ tan-nies, in-negozji, u l-NGOs tal-lokal. Nijmegen ħadmet ukoll ma’ NGOs ambjentali biex toħloq impjant tal-imtieħen tar-riħ, li llum il-ġurnata jagħti l-enerġija lil 10% tal-belt. Għal ħarsa lejn l-imgħoddi ta’ Nijmegen, tonqosx milli żżur il-Park Valkhof; sit ta’ sbuħija naturali miżgħud bi fdalijiet Rumani u kappella li ilha hemm kważi 1,000 sena.
Il-belt Ġermaniża ta’ Hamburg fiha ħafna x’tagħmel u x’tesplora – u b’hekk hija waqfa perfetta fil-vjaġġ tiegħek tad-DiscoverEU. Kont taf li għandha aktar pontijiet minn kwalunkwe belt Ewropea oħra? Sfida lil sħabek biex isibu kemm jista’ jkun minn dawn il-pontijiet u agħti punti extra lil min jirnexxilu jsib l-eqdem pont fil-belt, li nbena fl-1633! Hamburg, metropoli tat-Tramuntana, kienet Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa fl-2011 u ħadet miżuri bħall-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-projbizzjoni tal-fliexken tal-plastik u tat-tazzi tal-kafè li jintużaw u jintremew fl-uffiċċji pubbliċi. Saħansitra hemm pjanijiet biex sal-2034 ikunu tneħħew il-karozzi miċ-ċentru tal-belt sabiex jintuża esklużivament minn dawk li jkunu għaddejjin bir-roti jew bil-mixi.
Kopenħagen jistħoqqilha żjara minn kwalunkwe vjaġġatur tad-DiscoverEU. Kemm jekk biex tiġbed ritratt tal-istatwa tas-Sirena ż-Żgħira kif ukoll jekk biex iżżur suq biex idduq l-iSmørrebrød għall-ewwel darba, il-belt Daniża toffrilek ħafna x’tara u x’tagħmel. Il-belt ngħatat it-titlu tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa fl-2014, u hija impenjata wkoll li tagħmel il-ħajja aktar ekoloġika għal kulħadd. Għandha l-ħsieb li sal-2025 tkun saret l-ewwel belt newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju fid-dinja u rnexxielha tħeġġeġ lil mhux inqas minn nofs ir-residenti biex imorru għax-xogħol jew lejn l-istituzzjoni edukattiva tagħhom bir-rota. Titlifx it-Torvehallerne – suq permanenti taħt saqaf li joffri prodotti lokali friski. Ġewwa, tista’ tipprova xi affarijiet tajbin Daniżi u titkellem ma’ xerrejja oħrajn dwar l-importanza li nieklu ikel sostenibbli u ta’ oriġini lokali.
Malmö hija belt li qamet mill-irmied tal-art industrijali abbandunata li kienet biex saret waħda mill-aktar bliet ekoloġiċi tal-Iżvezja. Qabel kienet magħrufa għat-tbaħħir u għall-industrija peżanti, imma l-gvern Żvediż għen lill-belt biex tirrispetta aktar l-ambjent. Biex tifhem l-istorja industrijali tal-belt – u tipparagunaha mal-ambizzjoni ekoloġika li għandha llum – żur il-Mużew ta’ Malmö. Il-kumpless, li jinsab f’sit fejn qabel kien hemm kastell, huwa fil-fatt ġabra ta’ mużewijiet li joffru komprensjoni profonda utli dwar l-imgħoddi, l-ambjent naturali, u t-tradizzjonijiet marittimi tal-belt. Il-177 karozza tal-linja tal-belt jaħdmu kollha kemm huma b’taħlita ta’ gass ikkumpressat u bijogass, li jfisser li l-esplorazzjoni tal-belt mhix biss xi ħaġa interessanti imma wkoll ekoloġika! Ħu l-karozza tal-linja numru 5 lejn Fullriggaren biex iżżur Scaniaparken – park kwiet li joffri veduti eċċellenti tal-famuż pont ta’ Øresund bejn l-Iżvezja u d-Danimarka.
Fl-2019, Oslo ġiet irrikonoxxuta għall-ħidma li kienet diġà wettqet biex issir aktar favur l-ambjent u għall-impenn li ħadet biex tibni futur sostenibbli billi ntgħażlet bħala l-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa.
Kif tkun hemm, żur il-Park Frogner biex timxi, tagħmel piknik, tosserva n-nies, jew tgawdi l-park tal-iskulturi. Trid tara aktar spazji ħodor? Mur sal-Park tal-Palazz (Slottsparken), li fih aktar minn 218,500 metru kwadru, jew sal-ġnien botaniku f’Tøyen. Huwa faċli biex taċċessa n-natura anki barra mill-belt. Tista’ taqbad il-metro sal-lag Sognsvann, fejn tista’ timxi, tiġri, tgħum, jew tagħmel piknik.