Skip to main content
© European Union © European Union

Il-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea u l-Premju Ewropew Green Leaf

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ħamis, 23/03/2023

L-enerġija ekoloġika, il-mixi jew iċ-ċikliżmu u l-biedja urbana qed isiru dejjem aktar attraenti fl-Ewropa kollha. Kollox irid isir b’aktar kuxjenza, aħjar għall-ambjent u għaċ-ċittadini u, b’mod partikolari, aktar sostenibbli.

L-“Ekoloġija” hija wkoll prijorità fl-aġenda Ewropea bil-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi l-qafas ġenerali.

Peress li ħafna minna jgħixu fl-ibliet, għandna ħafna sfidi ambjentali x’niffaċċjaw, bħat-tniġġis tal-arja jew tal-ilma, livelli għoljin ta’ storbju jew telf tan-natura. Huwa għalhekk li fl-2008 l-Kummissjoni Ewropea nediet il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea u l-Premju Ewropew Green Leaf. Il-premjijiet jindirizzaw bis-sħiħ il-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet eċċellenti u biex juru li jeżistu bliet ekoloġiċi u sostenibbli u li dan l-eżempju jista’ jiġi segwit minn oħrajn!

Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tagħżel ir-rebbieħa għall-premju li mbagħad isiru l-“ambaxxaturi tal-bliet ekoloġiċi” (mad-dinja kollha). Iżda jaħdmu ħafna wkoll maċ-ċittadini tagħhom biex dan iseħħ. Fl-aħħar nett, irridu li n-nies isiru aktar konxji li l-għażliet tagħhom ta’ kuljum jistgħu jagħmlu differenza enormi.

Iż-żewġ premjijiet huma miftuħin għall-ibliet fl-Istati Membri tal-UE, fil-Pajjiżi Kandidati tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera.

Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea

Il-premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea jingħata kull sena lil belt Ewropea b’aktar minn 100,000 abitant li wriet li hija minn ta’ quddiem fis-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika. Fil-pajjiżi fejn m'hemm l-ebda belt li fiha jgħixu iktar minn 100,000 ruħ, l-ikbar belt hi eliġibbli li tapplika.

Il-messaġġ ewlieni huwa li l-Ewropej għandhom id-dritt li jgħixu f’żoni urbani b’saħħithom, u għalhekk l-ibliet għandhom jagħmlu kull sforz biex itejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħhom u jnaqqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent globali. Dan il-messaġġ jasal flimkien mas-slogan “Bliet ekoloġiċi – tajbin għall-ħajja”.

Fl-2020, it-titlu prestiġjuż ingħata lill-belt ta’ Lisbona, il-Portugall. Il-belt qed timmira li tkun mija fil-mija newtrali fil-karbonju sal-2050 u għandha l-għan li tħawwel 100,000 siġra matul is-sena. Skopri aktar hawnhekk dwar l-inizjattivi ambjentali ta’ Lisbona, il-programm u kif tista’ tinvolvi ruħek.

Kurjuż dwar il-premjijiet tal-2021? Skopri liema bliet huma nnominati.

Premju Ewropew Green Leaf

L-ibliet li mhumiex kbar biżżejjed biex jikkompetu għat-titlu ta’ Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea għandhom l-opportunità li jikkompetu għall-Premju Ewropew Green Leaf (EGLA).
Il-Premju huwa miftuħ għall-ibliet ta’ bejn 20,000 u 100,000 abitant biex jirrikonoxxu u jippromwovu l-isforzi tagħhom lejn ġestjoni u eżiti ambjentali aħjar. Il-belt rebbieħa se tirċievi għotja biex tappoġġja l-attivitajiet tagħha matul is-sena Ewropea Green Leaf.
Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni għall-Premju Ewropew Green Leaf huma Lappeenranta (il-Finlandja), Limerick (l-Irlanda) u Mechelen (il-Belġju).

Mhux faċli li tkun ekoloġiku...

Huwa unur kbir għal belt li jkollha t-titlu ta’ belt ekoloġika, iżda mhux faċli li tispiċċa rebbieħa tal-premju. Hemm proċess ta’ għażla strett ħafna fejn l-ibliet iridu juru r-rekord sod tagħhom ta’ dak kollu li għamlu s’issa u dak li għadhom qed jippjanaw b’mod konkret li jagħmlu biex iħaddru l-belt tagħhom. M’hemmx kliem fil-vojt, peress li biex jiġi vvalutat min se jkun ir-rebbieħ, l-ibliet iridu jissottomettu ħafna data, fatti u ċifri fi 12-il qasam ambjentali differenti (mill-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, il-kwalità tal-arja, il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima jew r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija). Fi ftit kliem, l-ibliet iridu juru li l-ambizzjonijiet tagħhom huma fit-tul u għall-benefiċċju tan-nies, tal-pjaneta u tal-ekonomija.

Iċċekkja liema bliet ġew ippremjati fil-passat!

Forsi l-belt tiegħek għandha dak li hemm bżonn biex tkun ir-rebbieħa tal-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea jew tal-Premju Ewropew Green Leaf Ewropew?

Żomm għajnejk fuq is-sit web tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex tara meta se toħroġ is-sejħa li jmiss u għaliex ma tistaqsix lis-sindku tiegħek!