Skip to main content

Għaliex l-inizjattiva hi aċċessibbli biss għaż-żgħażagħ ta’ 18-il sena?

L-Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew kif miftiehma fil-baġit tal-UE tal-2018 għażlet li tiffoka fuq iż-żgħażagħ ta’ 18-il sena, peress li din l-età timmarka pass kbir lejn l-età adulta u għaċ-ċittadinanza Ewropea.

3 females laughing

Tgħallem lingwa waqt li tkun qed tivvjaġġa

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 14/05/2025

50.6% taż-żgħażagħ Ewropew qed jitgħallmu tal-inqas żewġ lingwi barranin, skont Eurostat. Sib kif l-ivvjaġġar tiegħek barra pajjiżek jista' jgħinek ittejjeb il-ħiliet lingwistiċi tiegħek.

  1. Ipprova! Anke jekk għadek qed tibda, għandek bżonn il-prattika u se titgħallem iktar permezz tal-iżbalji. Staqsi lin-nies biex ikellmuk bil-lingwa tagħhom anke jekk jafu jitkellmu sew bil-lingwa tiegħek. Jekk jaqilbu għal-lingwa tiegħek, ibqa' uża tagħhom. Toqgħodx tistinka biex toħroġ b'sentenzi twal u kumplessi – imma pprova tkellem ċar.
  2. Neħħi l-kotba minn idejk. Toqgħodx tgħaddi ħafna ħin titgħallem listi ta' vokabolarju jew tistudja l-kotba tal-grammatika. L-aqwa mod kif titgħallem hu billi tesperjenza l-lingwa. Staqsi lil ħbieb tal-lokal biex jgħallmuk kif tgħid il-kliem b'mod korrett. Dan ħafna aħjar milli taqra traskrizzjoni fonetika.  Biex tiftakar il-kliem, ipprova waħħal noti fuq l-oġġetti madwar il-kamra tiegħek.
  3. Mhux kollox hu dwar il-lingwa. Idħol kompletament fil-kultura u t-tradizzjonijiet lokali wkoll. Aqra dwar il-pajjiż u staqsi mistoqsijiet lin-nies tal-lokal. Isma' l-mużika li tħobb fil-lingwa – se titgħallem kliem ġdid mingħajr ma biss tkun qed tipprova.
  4. Kun kurjuż. Aqra artikli u kotba fil-lingwa dwar suġġetti li int interessat fihom (eż logħob tal-vidjows jew sport favorit). Dan se jgħinek waqt il-konverżazzjonijiet tiegħek. Modi oħra divertenti kif ittejjeb il-ħiliet lingwistiċi tiegħek jinkludu billi taqra blogs, tisma' podcasts u tara l-vidjows b'sottotitoli fil-lingwa oriġinali.
  5. Oħroġ u ltaqa' man-nies. Mur avvenimenti soċjali (bħal riċevimienti jew laqgħat tal-istudenti) u agħmel ħbieb ġodda fil-lingwa. Jew ipprova rranġa għal skambju lingwistiku (jew tandem) ma' xi ħadd mill-pajjiż tal-lingwa għal xi sagħtejn fil-ġimgħa – dan hu l-mod perfett kif tipprattika.

 

Appoġġ lingwistiku onlajn

Se tieħu sehem fi programm ta' Erasmus+? Is-sit web ta' appoġġ lingwistiku onlajn ta' Erasmus+ se jgħinek tevalwa l-ħiliet tiegħek fil-lingwi barranin li se tuża biex tistudja, taħdem jew tkun voluntier barra pajjiżek. Jekk tintagħżel għal Erasmus+, tista' ssegwi kors tal-lingwa onlajn biex ittejjeb il-ħiliet lingwistiċi tiegħek wara valutazzjoni inizjali.

 

Links utli

  • Polyglotti4: – għodod għat-tagħlim tal-lingwi u pariri mingħand poliglotti ta' vera.
  • Polyglotclub: – sib nies mid-dinja kollha biex tipprattika l-lingwa u għallimhom tiegħek.
  • Language Learning Portal – sib kors jew skola tal-lingwa fid-dinja.

Stħarriġ ta' Eurostat dwar iż-żgħażagħ li jitgħallmu tal-inqas żewġ lingwi barranin

hostel © Wasfi Akab - Flickr, CC by 2.0

Suġġerimenti għas-sopravivenza waqt żjara f’ħostel

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 21/09/2020

X'hemm aħjar biex tivvjaġġa madwar id-dinja u tiltaqa' man-nies bla ma tonfoq wisq, milli toqgħod f'ħostel? Hawn taħt għandek issib kif tagħmel iż-żjara tiegħek tajba kemm jista’ jkun.

Għalkemm xi ħostels ikollhom kmamar privati jew dormitorji żgħar, normalment ikollok tuża kamra tal-banju komuni; tistenniex wisq privatezza. Imma b'differenza mil-lukandi, il-ħostels huma ambjenti soċjevoli ħafna (speċjalment jekk tkun qed tivvjaġġa waħdek) fejn tista’ tiltaqa’ ma’ ħafna nies. U jekk ma tiħux grazzja magħhom, ma għandekx għalfejn terġa' tarahom wara li titlaq mill-ħostel. Dan jiddependi minnek!

 

L-aħjar mod biex tkampa f’ħostel huwa li tkun "cool", kalm u li taqbad tparla man-nies. Ibda bl-istaff: Probabbilment dawn ikunu mill-pajjiż u jistgħu jagħtuk l-aħjar pariri għal affarijiet li trid tara, postijiet fejn tiekol u fejn tmur meta toħroġ. Tista’ ssib ħbieb biex toħroġ magħhom jew tiftiehem mal-"party animals" fost in-nies li jkun hemm fil-ħostel, tikseb pariri dwar l-ivvjaġġar jew sempliċiment tpartat l-istejjer.

 

Barra minn hekk, dawn huma xi affarijiet essenzjali li għandek tippakkja biex kollox jimxi ħarir:

 

  • Ħadd ma jieħu pjaċir jieħu doċċa bix-xagħar ta' ħaddieħor ma' saqajh jew jissogra li jaqbdu xi fungus. Għalhekk ħu flip-flops miegħek! Ovvjament, mhux dawk l-għaljin tal-ġilda, ġodda fjamanti, iżda dawk l-irħas tal-plastik li ma jiġrilhom xejn fl-ilma u s-sapun.
  • Li toqgħod tqum billejl għax tibża' li xi ħadd ikun qed jisraqlek l-affarijiet jista' jħassarlek il-vaganzi (aħseb u ara jekk jisirquk fil-fatt), allura lesti katnazz għall-bagalja, u l-basket, jew biex taqfel l-affarijiet personali mas-sodda. Żomm il-kartiera , passaport, telefown u oġġetti oħra ta’ valur taħt l-imħadda jew inkella fuq persuntek.
  • Meta jkollok lil xi ħadd jonħor il-lejl kollu tispiċċa tiddispra: Ikun aħjar għal kulħadd jekk ikollok par saddieda tal-widnejn (earplugs) biex tibblokka l-ħoss (ps: Jekk taf li inti tonħor u xorta tixtieq toqgħod f’ħostel, se tmur tajjeb ma' kulħadd jekk tqassam xi earplugs lill-oħrajn).
  • Ħu x-xugamani miegħek — jekk tkun tista’ — lożor jew sleeping bag. Xi ħostels jipprovduhom iżda mhux kollha u mhux kollha jaħsluhom tajjeb wisq. Barra minn hekk, normalment ikollok tħallas xi ħaġa iktar għal kiri ta’ xugamani u lożor.
  • Xi wħud iħossu li għandhom jixgħelu d-dwal kollha meta jaslu lura minn barra billejl — u dan lejliet meta jkollok tqum kmieni biex taqbad l-ajruplan; maskra tal-irqad tista’ tiffrankalek li jqajmuk. 

 

U fl-aħħar iżda mhux l-inqas: Iċċekkja r-rivisti tal-ħostel fejn qed tippjana li tmur; Dan huwa l-aħjar mod biex tevita xi sorpriża kerha!

A picture Euroscola

Ingħaqad f'dibattitu tal-Parlament Ewropew

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 17/11/2020

Sir Membru tal-Parlament Ewropew għal ġurnata - u skopri kif jaħdem kollox, permezz tal-iskema Euroscola.

Euroscola tagħti lill-istudenti ta' bejn is-16 u t-18-il sena mill-pajjiżi kollha tal-UE l-opportunità li jqattgħu jum bħala Membri tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Apparti mid-dibattitu dwar kwistjonijiet Ewropej waqt is-sessjonijiet plenarji u tal-kumitat, tkun tista' wkoll tivvota fuq ir-riżoluzzjonijiet u tadottahom. Ikollok ukoll l-opportunità tintroduċi l-iskola u r-reġjun tiegħek lill-parteċipanti l-oħra.

Fl-istess ħin, tkun qed tipprattika l-ħiliet lingwistiċi tiegħek u tagħmel ħbieb ma' studenti oħra minn madwar l-Ewropa.

 

Kif tapplika

L-ewwel nett l-iskola tiegħek trid tikkompeti lokalmetn ma' skejjel oħra minn pajjiżek biex tingħażel għal Euroscola.

Kif tapplika fil-pajjiż fejn tgħix.

Jekk l-iskola tintgħażel, tista' tħejji għall-jum billi tniżżel materjal mis-sit ta' Euroscola. B'dan il-mod ikollok aktar tagħrif dwar il-kwistjonijiet li se jiġu diskussi.

 

Fatti dwar Euroscola

Kull sena jkun hemm xi 20 sessjoni ta' Euroscola b'madwar 600 parteċipant.

 

Subscribe to