© Photo by Hermes Rivera on Unsplash
Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tibda minn dak li tiekol
L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 22/06/2021
Kuljum għandek ħafna opportunitajiet biex tagħmel għażliet li jgħinu lill-ambjent, lill-bdiewa u lis-saħħa tagħna. Qatt ħsibt kif? Ibda billi taħseb dwar dak li qed tiekol.
L-UE nediet l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt f’Mejju 2020 u poġġietha fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għax għandha l-għan li tagħmel is-sistemi tal-ikel ġusti, tajbin għas-saħħa u favur l-ambjent. Hi wkoll marbuta mill-qrib mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u wħud mill-objettivi ewlenin huma:
- L-iżgurar ta’ produzzjoni sostenibbli tal-ikel u t-tnaqqis tal-impronta klimatika
- L-iżgurar li ċ-ċittadini ikollhom ikel tajjeb għas-saħħa, tajjeb għall-but ta’ kulħadd u sostenibbli
- Il-protezzjoni tal-ambjent u l-preservazzjoni tal-bijodiversità
- L-ispinta lir-redditu ekonomiku ġust fil-katina alimentari u ż-żieda tal-biedja organika
Din l-istrateġija se tikkontribwixxi biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050 u se twitti t-triq għal sistemi tal-ikel sostenibbli madwar id-dinja.
Kif dak li tiekol għandu impatt fuq l-ambjent
Normalment, l-ikel jagħmel vjaġġ twil minn fejn jiġi prodott jew jitkabbar sakemm jasal fil-kċina tiegħek, u dan ifisser li jħalli warajh impronta tal-karbonju enormi.
Diffiċli tniżżilha meta nafu li madwar 20% tal-ikel prodott jinħela wara li jintużaw tant riżorsi tal-enerġija biex jipproduċuh u meta hemm nies ibatu bil-ġuħ.
Inqas ivvjaġġar u aktar ħxejjex fid-dieta tagħna huma aktar tajbin għas-saħħa tagħna u tal-pjaneta. Tabilħaqq, il-produzzjoni ta’ 1 kilo ta’ proteina veġetali (ċiċri jew għads, pereżempju) teħtieġ 10 darbiet inqas l-ammont ta’ ilma u sa 18-il darba inqas erja tal-art meta mqabbla ma’ dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb 1 kilo ċanga.
L-obeżità qed tiżdied ukoll, li hi aħbar tassew ħażina minħabba li huwa stmat li fl-UE fl-2017 aktar minn 950,000 mewta kienu attribwibbli għal dieti mhux tajbin għas-saħħa (waħda minn kull ħamsa). Hu għalhekk li sistemi tal-ikel aktar sostenibbli huma wkoll kwistjoni ta’ urġenza.
Kif tibda
Kull għażla tgħodd għalhekk għandek ħafna setgħa biex:
- Tixtri prodotti tal-istaġun: huma itjeb, irħas u huma mod faċli kif tintroduċi aktar varjetà fil-konsum tiegħek ta’ frott u legumi. Il-memorji tas-sajf tiegħek dejjem ikun fihom dik il-biċċa dulliegħa friska. Mhux ta’ b’xejn, u stramba li tiekol dik il-frotta f’Diċembru, pereżempju. Tista’ ssib ħafna kalendarji li jagħmluha aktar faċli għalik li tkun taf x’inhu tal-istaġun.
- Aktar ma jkun qrib, aħjar! Iċċekkja fejn tkabbar l-ikel tiegħek u agħżel, meta jkun possibbli, prodotti li vvjaġġaw inqas. Dan se jgħin biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju tagħhom u dik tad-dieta tiegħek.
- Esplora alternattivi bbażati fuq il-pjanti u ħu pjaċir billi titgħallem riċetti ġodda. L-Assemblea Ġenerali tan-NU ħatret l-2021 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Frott u l-Ħxejjex (IYFV), biex tkun tista’ taqsam ir-riċetti l-ġodda tiegħek bil-hashtags #IYFV2021 u #FruitsVegYear u tħajjar aktar nies jagħmlu għażliet tajbin għas-saħħa u sostenibbli!
- Evita pakketti take-away li jintużaw darba u uża kontenituri li tista’ terġa’ tużahom. Tista’ timmaġina t-tniġġis ta’ aktar minn 2,000 miljun kontenitur tat-takeaway fis-sena li qed jintużaw fl-Unjoni Ewropea biss? Skopri aktar dwar il-ħsara lill-pjaneta tagħna fl-artiklu Il-ħajja fil-plastik, mhux fantastika.
Fl-aħħar mill-aħħar, ħares lejha bħala sitwazzjoni vantaġġuża għal kulħadd: ilkoll kemm aħna nibbenefikaw minn dieti aktar tajbin għas-saħħa, qed nieħdu ħsieb tal-pjaneta, għall-preżent u l-futur tagħna u qed nagħtu spinta lill-irkupru ekonomiku sostenibbli li tassew għandna bżonn.