Skip to main content
Photo by Guillaume Périgois on Unsplash Photo by Guillaume Périgois on Unsplash

Inti t-trainee li jmiss fil-Kummissjoni Ewropea?

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ġimgħa, 23/02/2024

Darbtejn fis-sena, il-Kummissjoni Ewropea toffri lill-gradwati universitarji mill-UE ċ-ċans li jintgħażlu għal internships amministrattivi jew tat-traduzzjoni bi ħlas għal perjodu ta’ ħames xhur, li jibda mill-1 ta’ Marzu jew mill-1 ta’ Ottubru.

Min jista’ japplika?

Il-kandidati eliġibbli għandhom:

  • ikunu ċittadini tal-UE (numru limitat ta’ postijiet huma wkoll allokati lil ċittadini mhux tal-UE.)
  • ikunu lestew l-ewwel ċiklu ta’ kors ta’ edukazzjoni għolja (edukazzjoni universitarja) u kisbu grad sħiħ jew l-ekwivalenti tiegħu sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet
  • ma jkunux lestew traineeship f’istituzzjoni jew f’korp ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ikunu ħadmu għal aktar minn 6 ġimgħat, jew 42 jum kalendarju (inklużi l-weekends), fi kwalunkwe istituzzjoni Ewropea, Korp tal-UE, Aġenzija Eżekuttiva tal-UE, delegazzjonijiet tal-UE jew għall-Membri tal-Parlament (MEPs);
  • ikollhom għarfien tajjeb ħafna (C1/2 livell skont il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi) ta’ żewġ lingwi uffiċjali tal-UE, li waħda minnhom għandha tkun lingwa proċedurali: l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż. Għal dawk li mhumiex ċittadini tal-UE hi meħtieġa biss lingwa proċedurali waħda.
  • għat-traineeship fit-traduzzjoni fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠT) trid tkun kapaċi tittraduċi fil-lingwa ewlenija/mira tiegħek (normalment il-lingwa materna tiegħek), minn żewġ lingwi uffiċjali oħrajn tal-UE. 

Fejn?

It-trainees jistgħu jaħdmu fi kwalunkwe servizz u aġenzija tal-Kummissjoni Ewropea, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati fi Brussell, iżda wkoll fil-Lussemburgu u bnadi oħrajn fl-Unjoni Ewropea kollha.

Fiex tikkonsisti ġurnata xogħol ta’ trainee?

In-natura tax-xogħol ta’ trainee tiddependi fuq is-servizz li tkun assenjat għalih. Tista’, pereżempju, taħdem fil-qasam tal-edukazzjoni, il-kultura, l-isport, ix-xjenza jew il-liġi tal-kompetizzjoni, ir-riżorsi umani, il-politika ambjentali. Il-qasam tax-xogħol hu wiesa’ ħafna u għalhekk se jkollok tagħżel iż-żona ta’ preferenza tiegħek meta timla l-formola ta’ applikazzjoni tiegħek.
Meta tintgħażel għandek iċ-ċans li tikkontribwixxi għall-ħidma ta’ kuljum tal-Kummissjoni.
Se tkun tista’ pereżempju tattendi u torganizza laqgħat, gruppi ta’ ħidma, u seduti ta’ smigħ pubbliċi; tirriċerka, tabbozza u teditja dokumentazzjoni, twieġeb il-mistoqsijiet, tappoġġja lill-kollegi tiegħek fil-kompiti ta’ kuljum u ħafna aktar.

Kif tapplika

Hu sempliċi ħafna, meta l-applikazzjonijiet jiftħu, oħloq kont fuq EU Login, u mbagħad imla u ssottometti l-formola ta’ applikazzjoni. Oqgħod attent, tħallix sal-aħħar ftit jiem qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek. Tista’ wkoll tieħu t-test tal-eliġibbiltà biex tiskopri kemm hu probabbli li tintgħażel għal traineeship fil-Kummissjoni Ewropea.

Virtual Blue Book (VBB)

Ladarba l-perjodu ta’ applikazzjoni jkun għalaq, inti u l-applikanti l-oħrajn se tkunu evalwati fuq il-bażi tal-profil akkademiku, il-ħiliet tal-lingwa u kwalitajiet addizzjonali. Madwar 3,000 kandidat bl-ogħla marki se jkunu magħżulin minn qabel u jagħmlu parti mill-Virtual Blue Book (VBB) li hu l-bażi tad-data li jkun fiha s-CVs tal-kandidati kollha li għaddew b’suċċess miż-żewġ fażijiet tal-preselezzjoni: il-valutazzjoni inizjali u l-kontroll tal-eliġibbiltà.
Il-Blue Book hu miftuħ biex jiġi kkonsultat mis-servizzi u l-aġenziji kollha tal-Kummissjoni biex jinstabu l-aħjar kandidati abbażi tal-ħtiġijiet u l-kriterji speċifiċi tagħhom.

Għotja

It-trainees magħżulin jirċievu allowance ta’ kull xahar biex ikopru l-ispejjeż tal-għajxien tagħhom. 

Perjodi ta’ applikazzjoni

Għat-traineeships li jibdew f’Ottubru, l-applikazzjonijiet jiftħu f’Jannar tal-istess sena.
Għat-traineeships li jibdew f’Marzu, l-applikazzjonijiet jiftħu f’Lulju-Awwissu tal-istess sena. 
 
Tista’ ssib l-informazzjoni ddettaljata kollha fuq is-sit web uffiċjali tat-Traineeships.