Skip to main content
© StockSnap © StockSnap

Affarijiet essenzjali għall-vjaġġ tiegħek

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 13/11/2023

Kważi lest biex titlaq! Mid-dokumenti tal-ivvjaġġar sal-ħtiġijiet tas-saħħa, hawnhekk issib tfakkira żgħira ta’ dak li għandek bżonn għal vjaġġ fl-Ewropa.

Id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Tiegħek

Huma meħtieġa ċerti forom ta’ ID meta tivvjaġġa fl-Ewropa, għalhekk ara li għandek il-passaport u kwalunkwe forma oħra ta’ ID nazzjonali miegħek. Ftakar li meta tivvjaġġa minn u lejn pajjiż mhux fiż-żona Schengen trid turi ID jew passaport validu.

Żomm dawn id-dokumenti sikuri, magħluqin xi mkien b’żipp u diffiċli biex wieħed isibhom. Tkun idea tajba li jkollok kopja skenjata ta’ dawn id-dokumenti aċċessibbli minnek jew minn xi ħadd li tista’ tikkuntattja f’każ ta’ emerġenza, pereżempju f’email jew fil-cloud jekk għandek spazju ta’ ħżin sikur. 

Jekk issib ruħek f’diffikultà, li tkun taf l-ambaxxata/il-konsulat nazzjonali tiegħek fil-pajjiż tad-destinazzjoni tiegħek jista’ jkun utli. Tista’ tfittex fejn jinsabu permezz tas-sit web tal-protezzjoni konsulari tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tiegħek

Meta tivvjaġġa lejn pajjiż ieħor, tkun idea tajba li taħseb dwar x’jista’ jinqala’ ladarba tasal. Jekk timrad meta tkun qed tivvjaġġa, il-karta tal-identità mhix se tkun biżżejjed – se jkollok bżonn il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC).

Din il-karta hi maħsuba biex tiżgura li tikseb kura tas-saħħa mill-Istat meta tkun fuq mawra f'pajjiż ieħor, tkun qed tistudja jew tagħmel volontarjat xi mkien ieħor fl-UE (kif ukoll fl-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) jekk timrad għall-għarrieda.

L-EHIC ma tiħux post l-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, iżda meta tkun f'pajjiż barrani tiggarantilek kura medika bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess spejjeż bħaċ-ċittadini assigurati f'dak il-pajjiż. 

L-itinerarju, jew kif issolvi t-taħbila

Tista’ tuża Rome2Rio bħala għodda biex tippjana l-vjaġġ tiegħek. Dan is-sit web se juri l-konnessjonijiet kollha possibbli, bi stima tal-prezzijiet, u b’mezzi ta’ trasport differenti. Jillinkjak ma’ siti web tal-fornituri tat-trasport u l-iskedi tagħhom.

Hemm ukoll mod interessanti kif wieħed isib fejn hu l-aħjar post biex tiltaqa’ ma’ sħabek u tippjana waqfa. Siti web bħal Shall we met in the middle, What’s halfway u Meeting halfway iħalluk tagħżel żewġ postijiet differenti, jikkalkolaw id-distanza, u mbagħad jipprovduk b’informazzjoni dwar x’hemm fin-nofs. 

Użu tar-Roaming u tat-Telefown

M’għadx hemm tariffi tar-roaming għar-residenti tal-UE li jivvjaġġaw perjodikament fl-UE. Se tkun tista’ tuża l-mobile tiegħek bis-SIM card mill-pajjiż ta’ residenza tiegħek meta tivvjaġġa lejn pajjiżi oħra tal-UE, bl-istess prezzijiet u benefiċċji għal telefonati u messaġġi li għandek f’pajjiżek. L-ammont ta’ użu ta’ data jista’ jkun kemxejn differenti. 

Dan ifisser li ma għandek l-ebda skuża biex ma żżommx kuntatt u taqsam l-esperjenzi tiegħek mal-ħbieb u l-familja!

Ivvjaġġa u ffranka

Il-baġit hu parti importanti ħafna ta' kwalunkwe vjaġġ u se tkun kuntent li ssir taf li jeżistu karti li jagħmlulek butek jiflah għall-vjaġġ tiegħek:

Il-Karta Ewropea taż-Żgħażagħ: jekk int taħt it-30 sena, iċċekkja s-60,000 roħs li din il-karta tista' toffrilek. Fittex il-mappa Ewropea u sib ir-roħs fuq l-attivitajiet kulturali, il-ħwienet, it-trasport, ir-ristoranti u l-akkomodazzjoni.
Il-Karta ISIC: jekk int student, din il-karta tal-ID tal-istudenti hi rikonoxxuta internazzjonalment u tista' takkwistalek roħs fuq l-ivvjaġġar, il-mużewijiet u l-attrazzjonijiet turistiċi ewlenin fid-dinja kollha. Iċċekkja fejn tista' takkwista l-karta tiegħek u taċċessa r-roħs f'madwar 125,000 post fi kważi 130 pajjiż.
• Jekk inti ħerqan li tesplora l-mużewijiet, tajjeb li tkun taf li f’xi pajjiżi Ewropej l-ammissjoni fil-mużewijiet nazzjonali (eżibizzjonijiet permanenti) hija fil-biċċa l-kbira bla ħlas, hemm ukoll skemi bħall-ewwel Ħadd tax-xahar jew xi ġurnata partikolari bi dħul bla ħlas. Kif tista’ tara hemm varjetà ta’ sistemi differenti, u l-aħbar it-tajba hi li hemm ħafna roħs għaż-żgħażagħ – agħmel ftit riċerka biex issir taf x’inhuma l-aħjar offerti, u ppjana ż-żjara tiegħek skont dan.

Gwidi tal-ivvjaġġar

Illum il-ġurnata ma għandekx għalfejn iġġorr gwida matul il-vjaġġ tiegħek; b'dawn il-verżjonijiet kollha online jeħtieġlek biss li tagħżel l-aħjar gwida għall-vjaġġ tiegħek:

  • Trip Advisor tassew komdu! Iċċekkja r-riċensjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u aqra dwar il-prezzijiet kif ukoll il-ħinijiet tal-ftuħ. Għandu wkoll forum, u tista’ ssib ħafna suġġerimenti tajbin minn persuni li diġà żaru postijiet li se tibda tesplora dalwaqt.
  • USE-IT fih informazzjoni turistika sempliċi għaż-żgħażagħ magħmul miż-żgħażagħ lokali. Xi wħud għandhom ukoll desk tal-viżitaturi, immexxi minn voluntiera. Kull USE-IT jippubblika mappa mhux kummerċjali, bla ħlas, u aġġornata għal Vjaġġaturi Żgħażagħ li se tiggwidak fil-belt b’mod ġdid u divertenti. Il-mappa tikkombina siti importanti ma’ siti insoliti u suġġerimenti lokali moderni. Tista’ tikseb verżjoni bla ħlas li tista’ tipprintja jew tagħżel il-kopja tiegħek minn punt ta’ informazzjoni jew mill-hostel mal-wasla tiegħek.
  • Lonely Planet: x'aktarx diġà familjari mal-verżjoni stampata: Fittex skont il-pajjiż biex tara kif tasal u żżur dak li tixtieq.
  • Rough Guide: Komunità dinjija fejn tista’ taqsam l-esperjenzi tal-ivvjaġġar tiegħek.
  • World travel guide: jinkludi gwidi tal-pajjiż u tal-ibliet, l-affarijiet li tista' tara u tagħmel, kif ukoll informazzjoni speċjali dwar id-destinazzjonijiet tal-iskiing u tal-cruises.
  • The Culture Trip: fejn tista’ tieħu brunch? Liema huma ż-żoni inqas turistiċi f’belt? X’ma għandekx titlef? Fittex sew dan is-sit web għal ftit ispirazzjoni!

Kif tikkuntattja lill-UE

Tixtieq tiltaqa’ mal-korpi u l-organizzazzjonijiet tal-UE waqt li tkun qed tivvjaġġa?
Għandek ħafna possibbiltajiet: 

  • Bit-telefown jew bl-email: Il-Eurodesk hu servizz ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar opportunitajiet Ewropej (eż. Programmi Ewropej għall-volontarjat, studju jew internship barra pajjiżek). Tista’ tikkuntattja l-eqreb punt ta’ informazzjoni tal-Eurodesk permezz tal-mappa interattiva.
  • Online: L-informazzjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea tinsab fis-sit web Europa.
  • Personalment: Mal-Ewropa kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni lokali tal-UE.
  • Bit-telefown jew bl-email: Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz fuq in-numru tat-telefown bla ħlas: 00 800 67 89 10 11 (ċerti operaturi tat-telefown ċellulari ma jippermettux aċċess għan-numri li jibdew biż-00800 jew jistgħu jiċċarġjaw ħlas għal dawn is-sejħiet) jew bl-email.
  • Aqra dwar l-Ewropa: materjal tal-qari dwar l-UE jinsab biss klikk ’il bogħod minnek fis-sit web EU Bookshop.
  • Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea: L-uffiċċji tar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni jaġixxu bħala l-vuċi tal-Kummissjoni u jimmonitorjaw l-opinjoni pubblika fil-pajjiż ospitanti. Huma jipprovdu informazzjoni dwar l-UE permezz ta’ avvenimenti u d-distribuzzjoni ta’ brochures, fuljetti u materjali oħra.
  • L-Uffiċċji tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew: Ir-rwol tagħhom huwa li jżidu l-għarfien dwar il-Parlament Ewropew u l-Unjoni Ewropea u jinkoraġġixxu lin-nies jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari Ewropej.

Numru ta' emerġenza 

Jekk teħtieġ għajnuna urġenti tal-brigata tat-tifi tan-nar, tim mediku jew il-pulizija, ftakar li għandek iċċempel in-numru Ewropew tal-emerġenza “112” li hu l-uniku numru tal-emerġenza li tista’ ċċempel bla ħlas fil-pajjiżi Ewropej kollha.