Skip to main content

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

B’Saħħitna fl-Għaqda.

Tipi ta’ proġetti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Din il-lista turi t-tipi ta’ proġetti li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jista’ jappoġġja. Din il-lista mhix eżawrjenti, u tista’ tiġi emendata hekk kif l-inizjattiva tiġi żviluppata.

Inklużjoni

Dan huwa suġġett vast li jkopri kwistjonijiet bħal xogħol ma’ persuni b’diżabbiltà jew bżonnijiet ta’ appoġġ addizzjonali, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-intolleranza, xogħol ma’ gruppi minoritarji bħar-Roma, u kwistjonijiet interkulturali, inter-reliġjużi u interġenerazzjonali.

Akkoljenza u integrazzjoni ta’ refuġjati u migranti

Għajnuna biex tiġi provduta akkoljenza sikura għan-nies li jkunu għadhom kif waslu fl-Ewropa, u assistenza biex jiġu integrati fil-komunitajiet il-ġodda tagħhom fl-Ewropa kollha.

Ċittadinanza u parteċipazzjoni demokratika

Potenzjalment xogħol dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja u kwistjonijiet legali, u għajnuna lill-persuni biex jifhmu u joħolqu rabta aħjar mal-proċessi demokratiċi u ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Disaster prevention and recovery

Għajnuna lill-komunitajiet biex jevitaw riskji identifikati għal diżastru naturali, jew appoġġ lill-komunitajiet biex jirkupraw wara li jintlaqtu minn diżastru naturali. Jekk jogħġbok innota li l-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà mhux se jintalbu jipprovdu servizzi relatati mar-rispons immedjat għad-diżastri. Dawn it-tipi ta’ kompiti se jkomplu jitwettqu minn dawk bl-għarfien espert u l-esperjenza biex joperaw bla sogru f’dawn l-ambjenti perikolużi.

Ħarsien tal-ambjent u n-natura

Proġetti relatati mat-tibdil fil-klima, l-enerġija u r-riżorsi naturali, u f’oqsma differenti bħall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd.

Saħħa u benessri

Appoġġ lil proġetti li jinkoraġġixxu s-saħħa u l-benessri ġenerali, bħal stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u tixjiħ attiv.

Edukazzjoni u taħriġ

Proġetti f'dan il-qasam jistgħu jinkludu firxa wiesgħa ta’ suġġetti relatati mal-edukazzjoni, bħall-ġlieda kontra t-tluq mill-iskola qabel iż-żmien, iż-żieda fil-kompetenzi bażiċi bħall-matematika jew l-informatika, jew it-tagħlim ta’ lingwi barranin.

Impjiegi u intraprenditorija

Assistenza fi proġetti li jindirizzaw kwistjonijiet dwar il-qagħad, kif ukoll għajnuna lin-nies biex isiru aktar intraprendenti.

Kreattività u kultura

Xogħol mal-komunitajiet bl-użu tal-arti kreattiva u l-kultura biex jiġu indirizzati firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet.

Sport

Iż-żieda tal-inklużjoni, l-opportunitajiet indaqs u l-parteċipazzjoni fl-isport, u t-tħeġġiġ tal-isport tal-massa.