Skip to main content

Stqarrija ta’ Privatezza - Attivitajiet ta’ komunikazzjoni għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) tintrabat li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tipproteġi l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa aktar id-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega għaliex nipproċessaw id-data personali tiegħek, kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tiġi pprovduta kif ukoll kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet għandek b’rabta mad-data personali tiegħek. Din tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li miegħu tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni ta’ pproċessar DP-EC-12988.1 għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni taħt is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, imwettqa minn DG.EAC.B.3, hija ppreżentata hawn taħt. 
 

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek? 

Għan tal-operazzjoni ta’ pproċessar: Aħna nipproċessaw id-data personali deskritta (fit-taqsima 4) sabiex nuru u nippromwovu l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni deskritti hawn taħt imwettqa għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022. Aħna nipproċessaw din id-data personali abbażi tal-kunsens espliċitu li rċevejna mis-suġġetti tad-data inkluż għall-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom lill-pubbliku ġenerali. 
L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni fihom attivitajiet bħal:

  1. Intervisti ma’ gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati, dawn l-intervisti jistgħu jitwettqu minn żgħażagħ li jkunu parti mill-grupp ta’ ġurnalisti żgħażagħ jew kontributi ad hoc miż-żgħażagħ.
  2. Ritratt jew video għall-finijiet ta’ kompetizzjoni jew li jakkumpanja idea fil-qafas tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022.
  3. Videos awtorekordjati, bħal pereżempju taħt il-kampanja “#SHEU leads”.
  4. Kontributi għall-ideat (test) kif sottomessi taħt it-taqsima “viżjonijiet u tamiet” tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.
  5. Awtoreġistrazzjoni ta’ messaġġi dwar ideat, tamiet u opinjonijiet fuq il-Pjattaforma tal-Vuċi taż-Żgħażagħ.
  6. Materjali stampati/online

2. 1. Grupp ta’ ġurnalisti żgħażagħ

Il-grupp ta’ ġurnalisti żgħażagħ, organizzat mill-Eurodesk, inħoloq fid-dawl tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022. Dan jiġbor ġurnalisti żgħażagħ Ewropej li ġejjin mill-Ewropa kollha, li jipprovdu l-kontenut ibbażat fuq l-opinjoni tagħhom dwar diversi temi ta’ interess għaż-żgħażagħ u permezz ta’ tipi differenti ta’ formati (artikli, videos, podcasts u oħrajn). Il-ġurnalisti żgħażagħ Ewropej huma suġġetti tad-data peress li isimhom u informazzjoni personali oħra jiġu ppubblikati flimkien mal-kontenut tagħhom. Matul l-attivitajiet tagħhom, il-ġurnalisti żgħażagħ jista’ jkollhom jiġbru d-data personali ta’ diversi persuni, li għalhekk isiru wkoll suġġetti tad-data (eż. meta jwettqu intervisti ma’ diversi partijiet ikkonċernati). 

Il-Eurodesk se jkun responsabbli mill-ġbir tal-kunsens tas-suġġetti tad-data. Abbażi tal-kunsens espliċitu tas-suġġetti tad-data, il-kontenut se jiġi ppubblikat fit-taqsima ddedikata tal-paġna web tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, u se jitqassam fuq il-mezzi tal-media soċjali taż-Żgħażagħ Ewropej (Facebook: EuropeanYouthEU, Instagram: @european_youth_eu, Twitter: @EuropeanYouthEU) u kwalunkwe mezz rilevanti ieħor (ara l-intestatura 7). 

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għat-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta' profili. 

2.2. Kompetizzjoni tar-ritratti jew tal-video

Jistgħu jiġu organizzati kompetizzjonijiet li jinkludu kompetizzjonijiet tar-ritratti jew tal-video biex tiġi promossa s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022. Is-suġġetti tad-data se jintalbu jimlew formola ta’ kunsens u formola tal-liċenzja tal-video/tar-ritratt, li mbagħad jiġu pproċessati mill-kontrollur tad-data. Għall-minorenni, dawn il-formoli jridu jimtlew mid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minorenni. Abbażi tal-kunsens espliċitu tas-suġġetti tad-data, il-kontenut se jiġi ppubblikat fit-taqsima ddedikata tal-paġna web tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, u se jitqassam fuq il-mezzi tal-media soċjali taż-Żgħażagħ Ewropej (Facebook: EuropeanYouthEU, Instagram: @european_youth_eu, Twitter: @EuropeanYouthEU) u kwalunkwe mezz rilevanti ieħor (ara l-intestatura 7). 

Id-data personali tiegħekmhux se tintuża għat-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta' profili. 

2.3. Videos awtorekordjati, inkluża l-kampanja “#SHEU leads”

Kontenut awdjoviżiv awtorekordjat, inklużi stampi u videos li juru partijiet ikkonċernati differenti, se jintuża biex jippromwovi attivitajiet ta’ komunikazzjoni taħt is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, bħall-kampanja “#SHEU leads”. 

Il-kampanja “#SHEU leads” se tenfasizza l-istejjer tal-bniet u n-nisa żgħażagħ (taħt it-30 sena) fl-oqsma tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura, l-isport u r-riċerka u l-innovazzjoni (f’format ta’ rakkontar ta’ stejjer bil-video), li għandhom affiljazzjoni diretta jew indiretta mal-programmi tal-UE. Il-kandidati jirreġistraw lilhom infushom fuq video u jipprovdu ritratt tagħhom infushom. 

Is-suġġetti tad-data se jintalbu jimlew formola ta’ kunsens u formola tal-liċenzja tal-video/tar-ritratt, li mbagħad jiġu pproċessati mill-kontrollur tad-data. Abbażi tal-kunsens espliċitu tas-suġġetti tad-data, il-kontenut se jintuża fil-qafas tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni għall-EYY2022, inkluża l-kampanja “#SHEU leads”, u se jiġi ppubblikat fuq diversi pjattaformi tal-media (ara l-intestatura 7). 

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għat-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta' profili. 

2.4. Kontribut għas-sezzjoni tal-fehmiet u t-tamiet

Iż-żgħażagħ, inklużi l-minorenni, jikkondividu stejjer qosra bil-miktub dwar it-tamiet, l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħhom dwar il-futur tagħhom, kif ukoll stampa tagħhom infushom biex jakkumpanjaw il-kontribut bil-miktub tagħhom. Din l-attività hija stabbilita f’kollaborazzjoni mal-JRC u l-kontribut riċevut għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa/ #OurFutures. Il-kontenuti riċevuti għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa se jiġi pprovdut lid-DG.EAC.B.3 mill-JRC. 

Il-JRC se jkun responsabbli mill-ġbir tal-kunsens tas-suġġetti tad-data. Abbażi tal-kunsens espliċitu tas-suġġetti tad-data, il-kontenut se jiġi ppubblikat fit-taqsima ddedikata tal-paġna web tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, u se jitqassam fuq il-mezzi tal-media soċjali taż-Żgħażagħ Ewropej (Facebook: EuropeanYouthEU, Instagram: @european_youth_eu, Twitter: @EuropeanYouthEU), u kwalunkwe mezz rilevanti ieħor (ara l-intestatura 7). 

Id-data personali tiegħekmhux se tintuża għat-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta' profili. 

2.5. Awtoreġistrazzjoni ta’ messaġġi dwar ideat, tamiet u opinjonijiet fuq il-Pjattaforma tal-Vuċi taż-Żgħażagħ

Niġbru u nkomplu nipproċessaw id-data personali tiegħek biex nipprovdulek informazzjoni dwar x’taħseb il-parti l-kbira tal-ġenerazzjoni żagħżugħa u biex inwasslu l-opinjonijiet u l-kontributi kollha miż-żgħażagħ li mhumiex mismugħa biżżejjed minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, billi nirrekordjaw u nippubblikaw il-vuċi tiegħek fuq il-pjattaforma.

Il-Pjattaforma tal-Vuċi taż-Żgħażagħ, bħala parti mis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, hija għodda miftuħa li tistieden liż-żgħażagħ Ewropej biex iressqu l-vuċijiet kollettivi u individwali tagħhom. Meta jibagħtu u jirreġistraw il-vuċijiet tagħhom, il-parteċipanti jitkellmu bil-lingwa tagħhom stess u l-pjattaforma awtomatikament tadatta l-messaġġi tagħhom għat-traskrizzjonijiet bl-Ingliż billi tuża software awtomatizzat. Se jintuża wkoll servizz ta’ filtru tal-profanità biex jivverifika l-konformità tal-lingwa mad-deċenza. Se jintuża servizz ta’ fehim tal-lingwa naturali, fejn it-test jiġi analizzat, biex tiġi estratta l-metadata minn kontenut bħal kunċetti, entitajiet, kliem prinċipali, kategoriji, sentiment, emozzjoni, relazzjonijiet, rwoli semantiċi, u sintassi. Il-metadata kollha ġġenerata se tkun disponibbli għal kull reġistrazzjoni fid-dashboard tal-backend. 

Ladarba n-nota vokali tiġi rreġistrata, il-moderaturi jevalwaw il-kontenut tagħha u tirċievi messaġġ hekk kif il-kontenut ikun ġie approvat u ppubblikat. Ladarba r-reġistrazzjoni tal-vuċi tiġi approvata u ppubblikata fil-pjattaforma, il-viżitaturi jkunu jistgħu jisimgħu n-nota tal-vuċi.
Malli jasal il-kunsens mis-suġġetti tad-data, il-files awdjo jistgħu jiġu estratti u użati mit-Tim tal-Media Soċjali tal-EAC biex jikkondividuhom fuq il-media soċjali, u kwalunkwe mezz rilevanti ieħor (ara l-intestatura 7). Barra minn hekk, ladarba r-reġistrazzjoni tal-vuċi tiġi approvata u ppubblikata fil-pjattaforma, il-viżitaturi jistgħu jaqsmu r-reġistrazzjoni tal-vuċi esternament (ma’ mezzi oħra bħal mezzi tal-media soċjali). 

Il-kuntrattur Rainbow Consortium (iffurmat minn ICF NEXT S.A u MEDIABRANDS) se jkun responsabbli mill-ġbir tal-kunsens tas-suġġetti tad-data. Dan se jsir permezz tal-pjattaforma Youthvoices.eu, eżatt qabel ma s-suġġetti tad-data jissottomettu l-kontenut tagħhom, billi jimmarkaw il-kaxxa/i fuq il-formola ta’ reġistrazzjoni online.

Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek għal dawn is-servizzi fi kwalunkwe ħin billi tikkuntattja lill-kontrollur fid-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt (ara l-intestatura 9) jew permezz tal-formola disponibbli fuq is-sit web Youthvoices.eu. 

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għat-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta' profili.

2.6. Materjali stampati/fiżiċi u online

Biex tiġi promossa s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, jistgħu jinħolqu diversi tipi ta’ materjali fiżiċi u online. Dawn jistgħu jiġu kondiviżi permezz tal-mezzi promozzjonali rilevanti (ara l-intestatura 7). Il-kuntrattur Rainbow Consortium (iffurmat minn ICF NEXT S.A u MEDIABRANDS) se jkun responsabbli mill-ġbir tal-kunsens tas-suġġetti tad-data.

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għat-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta' profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, peress li:

(d) is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal skop speċifiku wieħed jew aktar.

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament 2018/1725 dwar il-kunsens tal-minorenni, fir-rigward tal-offerta ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni direttament lil minorenni, l-ipproċessar għandu jkun legali meta l-minorenni jkollu mill-inqas 13-il sena. Fil-każ ta’ tfal taħt it-13-il sena, il-kunsens jingħata jew jiġi awtorizzat mid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minorenni.
 

4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw aktar? 

Sabiex jitwettqu dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar DG.EAC.B.3 jistgħu jiġbru, direttament mis-suġġett tad-data jew permezz ta’ partijiet terzi (jiġifieri l-kuntrattur, il-JRC, il-Eurodesk u l-ġurnalisti), il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin. Skont it-tip ta’ attività, id-data personali kollha ta’ hawn taħt jew parti minnha tinġabar u tiġi pproċessata aktar: 

  • Isem u kunjom;
  • Funzjoni;
  • Dettalji ta’ kuntatt (email, numru tat-telefown, numru tal-mobile, kumpanija u dipartiment, pajjiż ta’ residenza, indirizz IP, media soċjali); 
  • Informazzjoni għall-evalwazzjoni tal-kriterji tal-għażla jew il-kriterji tal-eliġibbiltà: età, ġeneru, għarfien espert, ħiliet tekniċi u lingwi, sfond edukattiv, esperjenza professjonali, inklużi dettalji dwar l-impjieg attwali u tal-passat;
  • Pajjiż tal-oriġini;
  • Nazzjonalità;
  • Lingwa;
  • Kontenut awdjoviżiv: ritratt/video tas-suġġett jew kwalunkwe kontenut ieħor li s-suġġett jista’ jiġi rikonoxxut viżwalment minnu;
  • Kontenut tal-awdjo: reġistrazzjoni tal-vuċi;
  • Kontenut bil-miktub: aħbarijiet, artikli, dokumenti ta’ opinjoni, kwotazzjonijiet, bijografiji, fehmiet, komponimenti, dokumenti ta’ riċerka, stqarrijiet għall-istampa, rapporti, awtobijografiji, stejjer, traduzzjonijiet, traskrizzjonijiet. 

Mhuwiex obbligatorju li tiġi pprovduta data personali. 


5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?

Il-kontrollur tad-data jżomm biss id-data personali tiegħek għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri, jiġifieri għal sentejn wara t-tmiem tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022. 

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni Ewropea huma marbuta kuntrattwalment li jipproċessaw data personali f’isem u f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-kontrollur tad-data, li jżommu kunfidenzjali kwalunkwe data li jipproċessaw u li jipproteġuha minn aċċess, użu u żamma mhux awtorizzati.

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data personali kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet ta’ data, lottijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) tinħażen jew fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea u/jew tal-kuntrattur tagħha – Rainbow Consortium (iffurmat minn ICF NEXT S.A u MEDIABRANDS) – sa tmiem il-perjodu taż-żamma tagħha. L-operazzjonijiet ta’ pproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbuta bi klawsola kuntrattwali speċifika għal kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, u bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Istati Membri tal-UE (“GDPR” ir-Regolament (UE) 2016/679). 

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ numru ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju tat-telf ta’ data, il-modifika ta' data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għal persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

7.1. Żvelar ta’ data personali

L-aċċess għad-data personali tiegħek huwa pprovdut lis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea (involuti fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022) u lill-istaff tal-kuntrattur responsabbli għat-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar u lill-istaff awtorizzat skont il-prinċipju tal- “ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità. 

Il-kategorija ta’ riċevituri tad-data tista’ tkun (lista mhux eżawrjenti, skont l-operazzjoni ta’ pproċessar):

  • Staff mill-Kummissjoni Ewropea (is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u d-DGs involuti fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022); 
  • Partijiet ikkonċernati fil-qasam taż-żgħażagħ Ewropej; 
  • Staff mill-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; 
  • Aġenziji tal-UE;
  • il-kuntrattur tal-komunikazzjoni inkarigat mill-attivitajiet ta’ komunikazzjoni marbuta mas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022: Rainbow Consortium magħmul minn ICF NEXT S.A u MEDIABRANDS; 

Id-data deskritta (ara l-intestatura 4) tinżamm għall-iskop uniku ta’ illustrazzjoni jew promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni taħt is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022. Skont l-attività ta’ komunikazzjoni mwettqa għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, il-pubbliku ġenerali u l-kategoriji ta’ riċevituri tad-data msemmija hawn fuq se jaraw id-data personali rilevanti ta’ kwalunkwe persuna miżjuda minn edituri awtorizzati għal artikli, aħbarijiet, eċċ. (ara l-intestatura 2), pereżempju l-isem ta’ kontributur għal aħbar.

Il-pubblikazzjoni tad-data personali ma taqbiżx il-qafas tal-operazzjoni li għaliha s-suġġett tad-data jkun qabel li jipparteċipa. Tiġi ppubblikata biss id-data personali li għaliha s-suġġett ikun ta l-kunsens tiegħu. Data personali oħra, minbarra dik ippubblikata għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, tista’ tiġi pproċessata għall-iżvilupp b’suċċess tal-attivitajiet (eż. matul proċedura tal-għażla). Huma biss l-istaff tal-Kummissjoni Ewropea u tal-kuntrattur responsabbli għat-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar u staff awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”, li se jkollhom aċċess għal tali data personali. Id-data pprovduta li għaliha s-suġġett tad-data jkun qabel mal-pubblikazzjoni tagħha, tista’ tiġi ppubblikata fuq il-pjattaformi ta’ hawn taħt.

Id-data personali tas-suġġett tad-data tista’ tiġi ppubblikata fuq il-pjattaformi u l-mezzi promozzjonali tal-Kummissjoni Ewropea bħall-kontijiet tal-media soċjali tagħha li, anki jekk jużaw għodod ta’ partijiet terzi, jaqgħu legalment taħt ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) meta jipproċessaw data personali dwar individwi fl-UE. B’mod aktar speċifiku, id-data tista’ tiġi ppubblikata permezz tal-paġna web tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, il-Pjattaforma tal-Vuċi taż-Żgħażagħ, il-mezzi tal-media soċjali tal-Kummissjoni Ewropea (Facebook, Twitter, Instagram, YouTube), l-Intracomm tal-Kummissjoni Ewropea, il-Wiki tal-Media Soċjali tal-Kummissjoni Ewropea, u kwalunkwe pjattaforma oħra tal-Kummissjoni Ewropea u sit web ta’ partijiet terzi jew pjattaforma tal-media li jistgħu jkunu rilevanti għall-promozzjoni.

7. 2. Cookies

Il-cookies huma files b’test qasir maħżuna fuq apparat tal-utent (bħal kompjuter, tablet jew telefown) minn sit web. Il-cookies jintużaw għall-funzjonament tekniku ta’ sit web (cookies funzjonali) jew għall-ġbir ta’ statistika (cookies analitiċi).

Il-cookies jinħażnu minn Europa Analytics, is-servizz korporattiv li jkejjel l-effettività u l-effiċjenza tas-siti web tal-Kummissjoni Ewropea fuq EUROPA.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fir-Rekord tal-Ipproċessar DPR-EC-00685 (Europa Analytics).

Mhux strettament meħtieġ li tippermetti lil dawn il-cookies biex is-siti web ikunu jistgħu jaħdmu iżda jekk tagħmel dan, se jkollok esperjenza ta’ bbrawżjar aħjar. Tista’ tħassar jew timblokka dawn il-cookies, iżda jekk tagħmel dan xi aspetti tas-siit web jistgħu ma jaħdmux kif suppost.

L-informazzjoni relatata mal-cookies ma tintużax biex jiġu identifikati suġġetti tad-data personalment u d-data dwar it-tendenzi hija kompletament taħt il-kontroll tal-Kummissjoni. Dawn il-cookies ma jintużaw għall-ebda skop ħlief għal dawk deskritti hawn.

Jekk tixtieq tagħżel li d-data personali tiegħek tiġi eskluża mill-istatistika aggregata u anonimizzata tagħna, tista’ tagħmel dan fuq il-paġna tal-cookies tagħna. B’mod partikolari, inti tista’ tikkontrolla u/jew tħassar dawk il-cookies kif tixtieq.

a) Fuq il-Pjattaforma tal-Vuċi taż-Żgħażagħ

Cookie analitiku - Il-kuntrattur se juża cookies analitiċi purament għal riċerka interna dwar kif jistgħu jtejbu s-servizz li jipprovdu għall-utenti kollha tagħna.

Il-cookies sempliċiment jivvalutaw kif tinteraġixxi mas-sit web – bħala utent anonimu (id-data miġbura ma tidentifikakx personalment).

Barra minn hekk, din id-data ma tiġi kondiviża ma’ ebda parti terza u ma tintuża għall-ebda skop ieħor. L-istatistika anonimizzata hija kondiviża mal-kuntratturi li jaħdmu fuq il-proġett Copernicus skont ftehim kuntrattwali mal-Kummissjoni.

Madankollu, inti liberu li taċċetta jew tirrifjuta dawn it-tipi ta’ cookies permezz tal-banner tal-cookies li se tara fl-ewwel paġna li żżur.
 

Isem

Servizz

Għan

Tip ta’ cookie u tul ta’ żmien

_pk_id*

Matomo

Dan il-cookie hu installat minn Matomo. Il-cookie jintuża biex jaħżen ID tal-utent uniku u jżomm rekord tal-użu tas-sit għar-rapport analitiku tas-sit. Il-cookies jaħżnu l-informazzjoni b’mod anonimu u jassenjaw numru ġġenerat b’mod aleatorju biex jiġu identifikati viżitaturi uniċi.

Cookie persistenti tal-ewwel parti, 13-il xahar

_pk_ses*

Matomo

Dan il-cookie hu installat minn Matomo. Il-cookie jintuża biex jaħżen informazzjoni dwar kif il-viżitaturi jużaw sit web u jgħin fil-ħolqien ta’ rapport analitiku tal-prestazzjoni tas-sit web. Id-data miġbura inkluż in-numru ta’ viżitaturi, is-sors minn fejn ġew, u l-paġni miżjura f’forma anonima.

Cookie tas-sessjoni tal-ewwel parti, 30 minuta

7. 3. Għodod tal-IT ta’ partijiet terzi, inkluża l-media soċjali

Aħna nistgħu nużaw għodod tal-IT ta’ partijiet terzi biex nagħtu informazzjoni dwar l-attivitajiet imsemmija hawn fuq (ara l-intestatura 2) u nippromwovuhom permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni użati b’mod wiesa’, inkluża l-media soċjali. Għal informazzjoni dettaljata dwar l-użu tal-media soċjali mill-Kummissjoni Ewropea, ara r-Rekord tal-Ipproċessar DPR-EC-00073 (Użu tal-Media Soċjali mill-Kummissjoni Ewropea).

Sabiex tiġi protetta l-privatezza tiegħek, l-użu tagħna ta’ għodod tal-IT ta’ partijiet terzi biex naqbdu ma’ dawk is-servizzi ma jistabbilixxix cookies meta l-paġni tas-sit(i) web tagħna jinfetħu fuq il-kompjuter tiegħek (jew apparat ieħor), u lanqas ma tittieħed immedjatament lejn dawk il-media soċjali jew siti web oħra. Huwa biss f’każ li tikklikkja buttuna jew “play” fuq video biex tarah, li jiġi installat cookie tal-kumpanija tal-media soċjali kkonċernata fuq l-apparat tiegħek. Jekk ma tikklikkja ebda buttuna jew video tal-media soċjali, ma jiġux installati cookies fuq l-apparat tiegħek minn partijiet terzi.

Sabiex tara dan il-kontenut ta’ parti terza fuq is-sit(i) web tagħna, messaġġ iwissik li jeħtieġ li inti taċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dawk il-partijiet terzi, inklużi l-politiki tal-cookies tagħhom, li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda kontroll fuqhom.

Nirrakkomandaw li l-utenti jaqraw bir-reqqa l-politiki rilevanti tal-privatezza tal-għodod tal-media soċjali użati. Dawn jispjegaw il-politika ta’ kull kumpanija dwar il-ġbir u l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali, l-użu li jagħmlu mid-data, id-drittijiet tal-utenti u l-modi kif l-utenti jistgħu jipproteġu l-privatezza tagħhom meta jużaw dawk is-servizzi.

L-użu ta’ għodda tal-IT ta’ parti terza bl-ebda mod ma jimplika li l-Kummissjoni Ewropea tapprovaha jew il-politiki dwar il-privatezza tagħha. Fil-każ li xi għodda tal-IT waħda jew aktar ta’ parti terza ma jkunux okkażjonalment disponibbli, ma naċċettaw l-ebda responsabbiltà għal nuqqas ta’ servizz minħabba l-perjodu ta’ qtugħ tagħhom.
 

8. X’inhuma drittijietek u kif tista’ teżerċitahom? 

Għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa d-data personali tiegħek u li tirranġaha f’każ li d-data personali tiegħek ma tkunx preċiża jew ma tkunx kompluta. Fejn ikun applikabbli, għandek id-dritt li tħassar id-data personali tiegħek, li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li toġġezzjona għall-ipproċessar u d-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Inti tajt il-kunsens tiegħek li tipprovdi d-data personali tiegħek lill-DG.EAC.B.3 għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar. Inti tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma tkun irtirajt il-kunsens.

Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew, f’każ ta’ kunflitt, lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tinsab fl-Intestatura 9 hawn taħt. 

Jekk tixtieq teżerċita drittijietek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, fit-talba tiegħek ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-Referenza/i tar-reġistrazzjoni tagħhom kif speċifikat fl-Intestatura 10 hawn taħt).

Ladarba tkun lesta u ppubblikata, din l-istqarrija ta’ privatezza tista’ tiġi kkonsultata fuq il-paġna web tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, fit-taqsima “Privatezza” fuq il-post. Barra minn hekk, l-istqarrija ta’ privatezza se tiġi kondiviża mas-suġġetti tad-data immedjatament ladarba l-indirizz tal-email tagħhom ikun magħruf. 

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

  • Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, ikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, DG.EAC.B.3 permezz ta’ EYY2022@ec.europa.eu 

  • L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni

Inti tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) dwar kwistjonijiet marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)

Għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 inkisru b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni dettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru bil-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-reġistrazzjoni li ġejja: DPR-EC-12988.1


 

 

dehaze