© irisphoto1 - Shutterstock
Il-Balkani tal-Punent Nitgħallmu mill-passat għal futur paċifiku
L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 29/09/2020
Il-proġetti ta’ kommemorazzjoni ffinanzjati mill-UE qed jgħinu liż-żgħażagħ jitgħallmu mill-istorja, billi jippromwovu l-valuri Ewropej fil-Balkani tal-Punent u lil hinn minnhom biex jiżguraw li l-gwerra, il-ġenoċidju u t-totalitarjaniżmu jibqgħu ħaġa tal-imgħoddi.
L-2020 tikkommemora l-75 sena mil-liberazzjoni tal-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fejn in-Nazisti qatlu 1.1 miljun ruħ, ħafna minnhom Lhud mill-Ewropa kollha. B’kollox, 6 miljun Lhudi mietu fl-Olokawst.
Hu wkoll il-25 anniversarju tal-massakru ta’ Srebrenica, l-agħar qtil massiv fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, li ħasad il-ħajja ta’ aktar minn 8,000 raġel fosthom tfal Musulmani mill-Bosnja. Aktar minn 120,000 persuna mietu fil-Gwerer Jugoslavi bejn l-1991 u l-2001 – ħafna minnhom nisa, tfal u ċivili mhux armati.
Hekk kif il-memorja u x-xhieda għal dawn l-atroċitajiet jikbru u jmutu, x’jinsab hemm barra biex jgħinek titgħallem mill-passat u tiżgura li l-istorja ma terġax tirrepeti ruħha?
Fil-Balkani tal-Punent, numru ta’ organizzazzjonijiet, b’finanzjament mill-programm tal-Ewropa għaċ-Ċittadini tal-UE, qed jaħdmu fuq proġetti ta’ kommemorazzjoni mmirati speċifikament għaż-żgħażagħ u l-għalliema. Huma parti minn sforz usa’ biex jiġu promossi l-paċi, l-istabbiltà u l-valuri demokratiċi hekk kif ir-reġjun jersaq lejn l-integrazzjoni fl-UE.https://eeas.europa.eu/regions/western-balkans_en
Dawn huma wħud minn dawn l-inizjattivi:
Xhieda għall-gwerra
Matul il-Gwerer Jugoslavi, il-belt ta’ Sarajevo kienet assedjata għal kważi erba’ snin. Matul dak il-perjodu nqatlu aktar minn 5,400 pajżan, ħafna drabi minn snipers.
F’Sarajevo tal-lum, l-assoċjazzjoni Urban qed tilħaq b’mod attiv liż-żgħażagħ, kemm fil-Bosnija kif ukoll barra minnha, biex tgħin twassal xi jfissru l-gwerra – u totalitarjaniżmu – għall-ħajja ta’ kuljum.
F’kooperazzjoni mal-iskejjel u s-sħab fil-Bosnja, iċ-Ċekja, l-Italja u r-Rumanija, hi qed tikkoordnina proġett iffinanzjat mill-UE li jippermetti lill-istudenti jinvolvu ruħhom ma’ persuni li jkunu għexu fi żminijiet bħal dawn.
“Il-proġett hu bbażat fuq l-interazzjoni,” tgħid il-koordinatur Haris Čalkić.
Biex jilħaq udjenza akbar, it-tim tal-proġett se jipproduċi dokumentarju, dwar kif il-gwerra u t-totalitarjaniżmu jaffettwaw ħajjet in-nies, li jinkorpora rakkonti minn xhieda.
Ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tar-Rom
Il-vittmi tan-Nazisti matul l-Olokawst inkludew ir-Rom. F’ħafna partijiet tal-Ewropa, din il-minoranza għadha qed tiffaċċja diskriminazzjoni.
Fil-belt ta’ Kratovo fit-Tramuntana tal-Maċedonja, iż-żgħażagħ waqqfu l-assoċjazzjoni Rroma SSN li taħdem biex jitnaqqsu d-distakki li fadal.
Bl-għajnuna tal-fondi tal-UE, il-grupp jorganizza sessjonijiet ta’ taħriġ, programmi ta’ skambju u jwettaq riċerka.
“Aħna ddedikati għat-tħeġġiġ ta’ valuri pożittivi kemm fi ħdan il-komunitajiet tar-Rom kif ukoll dawk li mhumiex Rom,” qal il-maniġer tal-proġett Mustafa Jakupov. “Dan kollu kien possibbli bis-saħħa tal-impenn u l-entużjażmu taż-żgħażagħ li jaħdmu magħna u li jemmnu f’dak li nixtiequ niksbu.”
Każ partikolari: il-koordinatur tal-programm tal-grupp kellu biss 17-il sena meta ssieħeb mal-organizzazzjoni bħala voluntier.
“Nemmnu fiż-żgħażagħ, fil-kapaċitajiet tagħhom li jġibu bidla, paċi u rispett fil-komunitajiet tagħhom,” jgħid Jakupov. “Irridu li ż-żgħażagħ ikunu sidien l-ideat u l-futur tagħhom!”
Taħriġ tal-għalliema
L-għalliema għandhom rwoli importanti fil-ħajja taż-żgħażagħ. Minħabba dan, il-Memorjal tax-Shoah, mużew f’Pariġi u ċentru ta’ dokumentazzjoni u ta’ edukazzjoni ddedikat għall-memorja tal-Olokawst, ilaqqa’ għalliema mis-Serbja, mill-Bożnija u mill-Kroazja biex flimkien jiksbu għarfien storiku, jaqsmu l-esperjenzi u jiddiskutu b’mod miftuħ kwistjonijiet sensittivi marbutin mal-istorja lokali.
“In-nies minn dawk il-pajjiżi għandhom dak li nsejħu memorji konfliġġenti,” qal Bruno Boyer li jikkoordina l-proġett għat-taħriġ tal-għalliema tal-Memorjal tax-Shoah. “Il-kunflitti tal-passat iffurmaw il-mod kif jaraw lilhom infushom. Iżda lkoll jaqsmu l-memorja tal-Olokawst u nużaw dak il-punt ta’ tluq.”
L-għalliema jaqsmu l-perspettivi tagħhom ma’ kollegi li l-ġenituri tagħhom setgħu ġġieldu kontra xulxin. Dan jgħinhom jifhmu aħjar “l-assurdità tal-gwerra”, iżid jgħid Boyer.
Wara li jingħataw dan it-taħriġ, “isibuha ferm aktar faċli li jgħaddu l-għarfien dwar l-avvenimenti tal-passat liż-żgħażagħ”.