Skip to main content
©Alexandr Bormotin - Unsplash ©Alexandr Bormotin - Unsplash

Vjaġġar aċċessibbli

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 04/01/2021

Taċċettax limitazzjonijiet, ivvjaġġa b’mod liberu!

Kulħadd għandu bżonnijiet speċifiċi. Speċjalment meta tkun qed tivvjaġġa, tista’ tkun sfida ikbar biex isiru l-arranġamenti għalihom. Meta toħroġ mill-qoxra komda tiegħek tista’ tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet mhux mistennija. Madankollu, kulħadd  għandu jkollu l-possibbiltà li jmur f’pajjiż barrani, bla diskriminazzjoni.

Biex ngħinuk tibda, qed naqsmu pariri dwar l-ivvjaġġar aċċessibbli u pariri prattiċi għaż-żgħażagħ bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ aċċess. F'dan id-dokument, se ssib xi pariri dwar l-ivvjaġġar aċċessibbli fl-Unjoni Ewropea.

Iżda naturalment, int l-espert ta’ ħajtek! Hemm ħafna tipi ta’ diżabbiltajiet u kull persuna hi differenti. Ħossok liberu li tippersonalizza l-pariri li ġejjin u sib il-mod tiegħek biex takkomoda l-bżonnijiet tiegħek stess.
 

  1. Ippjana minn qabel! Dan inaqqas iċ-ċans ta’ sorpriżi. Jekk possibbli, ipprova bbukkja l-vjaġġ tiegħek minn qabel u għalhekk ikollok biżżejjed ħin biex tirriċerka l-aċċessibbiltà fil-post li trid iżżur u fl-inħawi tiegħu. Iktar ma tkun organizzat u mħejji għall-vjaġġ tiegħek, inqas tistressa ruħek minħabba li se tkun taf x’se tistenna. Ara li jkollok pjan alternattiv f’każ li jkun hemm bżonn.

    Is-sit web Pantou joffri gwida internazzjonali affidabbli u komprensiva għat-tipi kollha ta’ servizzi turistiċi aċċessibbli. L-informazzjoni fuq dan is-sit tista’ tgħinek tippjana l-vjaġġ tiegħek. Naturalment mhux l-unika sit web b’informazzjoni dwar it-turiżmu aċċessibbli u minħabba li l-ebda paġna web ma għandha kollox, dejjem għandek tfittex fuq l-internet u tiċċekkja sorsi differenti.
     
  2. Agħmel ħafna mistoqsijiet dwar l-aċċessibbiltà u esprimi l-bżonnijiet tiegħek. Mhux kulħadd għandu l-istess idea xi tfisser “aċċessibbli għas-siġġu tar-roti”, pereżempju. Il-logos u t-tikketti li jindikaw rotot, postijiet jew servizzi aċċessibbli jistgħu jvarjaw f’pajjiżi differenti. Forsi diġà kont f’ħafna sitwazzjonijiet fejn ħsibt li post kien aċċessibbli, u sibt li ma kienx aċċessibbli għalik.

    Ċempel lill-istaff ta’ akkoljenza tal-akkomodazzjoni li qed tikkunsidra qabel tibbukkjaha u kun speċifiku dwar l-affarijiet li għandek bżonn. Iktar faċli li tispjega x’għajnuna teħtieġ meta titkellem ma’ persuna li taħdem hemm. Tista’ wkoll titlobhom jibagħtulek ritratti, jekk m’intix ċert jekk l-akkomodazzjoni hix adatta għalik.
     
  3. Fittex dwar is-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku qabel ma tivvjaġġa. Tista’ faċilment tasal fid-destinazzjoni? Tista’ tuża l-mezzi kollha tat-trasport jew ċerti mezzi ta’ trasport biss?
    Jekk qed tippjana li taqbad it-trejn (jew kwalunkwe mezz tat-trasport pubbliku ieħor), tkun idea tajba li ċċempel lill-kumpanija tat-trasport pubbliku jum jew jumejn qabel, biex ikunu jafu x’tip ta’ assistenza għandhom bżonn jipprovdu.

    Għall-persuni neqsin mid-dawl jew għomja, jaf tkun sorpriż bl-għażliet li għandha x’toffri l-kumpanija tal-ivvjaġġar lokali. F’Londra pereżempju, għandhom mapep stampati kbar, żviluppati mill-Istitut Nazzjonali Rjali tal-Għomja. U f’Pariġi, fasslu sit web għal kulħadd, li b’mod ċar iżomm f’moħħu l-persuni għomja. Staqsi lill-kumpanija tat-trasport lokali u skopri l-għażliet li għandhom għalik.

    F’każ li tivvjaġġa f’siġġu tar-roti, tista’ ssib pereżempju gwidi tal-ivvjaġġar tal-aċċessibilità online dwar Amsterdam, Berlin, Brussell, Bucharest, Ġibiltà, Londra, Madrid, Munich, Pariġi u Praga. Iżda jeżistu siti web oħrajn ukoll. Dejjem agħmel ir-riċerka tiegħek.
     
  4. Dejjem ġorr folder li jkun fih dokumenti mediċi importanti. Bħal kulħadd, trid tiżgura li tkun kopert. Mela tinsiex tapplika  għall-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa u teħodha miegħek. L-istati kollha tal-UE jirrikonoxxuha u f’każ ta’ emerġenza hi utli.

    Barra minn hekk, tista’ tikkunsidra wkoll li ġġorr ittra tat-tabib li tiġbor fil-qosor il-kundizzjonijiet tiegħek, il-mediċini li għandek bżonn u l-polza tal-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar. F’każ ta’ emerġenza jaf ikollok bżonn tad-dokumenti stampati kif ukoll back-up diġitali tagħhom.
     
  5. Agħti struzzjonijiet lil min se jivvjaġġa miegħek qabel titlaq, biex ikun jaf x’għandu jagħmel jekk tiġri xi ħaġa (pereżempju attakk tal-epilessija).
     
  6. Ipprepara ftit sentenzi dwar il-ħtiġijiet tiegħek bil-lingwa lokali. Pereżempju, jekk għandek xi tip ta’ allerġija għall-ikel, ikun tajjeb li tikteb l-ingredjenti li ma tistax tiekol bil-lingwa lokali (jew tirrekordja messaġġ vokali). Tista’ tistaqsi lil xi ħadd fl-akkoljenza tal-hostel/lukanda jekk dak li ktibt/għidt jinftehimx. Tista’ ssib l-Accessible Travel Phrasebook utli.
     
  7. Jekk se ġġib il-kelb ta’ assistenza tiegħek, kun af li mhux il-fornituri kollha tas-servizzi fil-pajjiżi tal-UE huma konxji tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-klieb ta’ assistenza. Xi drabi tista’ ssib ruħek f’sitwazzjoni imbarazzanti u ma jkunux iridu jdaħħluk bil-kelb peress li jqisuh bħala annimal tal-kumpanija. Kun af li dan mhuwiex korrett. Il-kelb ta’ assistenza tiegħek mhuwiex annimal tal-kumpanija u għandu d-dritt li jgħinek kull fejn tkun.
    U meta tibbukkja l-akkomodazzjoni tiegħek, kun ċert li l-istaff tal-ibbukkjar ikun konxju minn dan ukoll.
     
  8. Jekk trid iġġib xi teknoloġiji ta’ assistenza, ara li tqegħedhom fil-bagalja tal-idejn u toħroġhom meta tgħaddi mill-verifika tas-sigurtà, u avża lill-istaff bil-quddiem. B’hekk tiffranka l-ħin.
     
  9. Ħu miegħek il-Karta tad-Diżabbiltà tiegħek F’xi pajjiżi Ewropej, il-persuni b’diżabbiltà għandhom “Karta tad-Diżabbiltà”, li biha jgawdu xi benefiċċji f’mużewijiet, akkomodazzjoni u avvenimenti kulturali. Ħudha miegħek u forsi tirċievi xi skontijiet!
     
  10. L-aħjar informazzjoni dwar l-ivvjaġġar aċċessibbli tiġi minn persuni li jkunu vvjaġġaw qablek. Fuq l-internet, hemm ħafna bloggers li jaqsmu l-esperjenzi personali tagħhom u li jagħtu pariri prattiċi. Ispira ruħek minnhom. Il-grupp fuq il-Facebook Accessible Travel Club għandu eluf ta’ membri vjaġġaturi b’diżabbiltà. Hemm issib kull tip ta’ informazzjoni billi tistaqsi mistoqsija!
     
  11. Aqsam l-esperjenza tiegħek! Barra minn hekk, hu importanti wkoll li taqsam l-esperjenza tiegħek mal-oħrajn! Il-parteċipanti żgħażagħ futuri ta’ DiscoverEU se jibbenefikaw sew mill-esperjenzi tiegħek jekk tixxerjahom online (pereżempju fil-Grupp tal-Facebook tagħna).
     
  12. Kun flessibbli u ibqa’ pożittiv! X’aktarx li jkollok tħabbat wiċċek ma’ affarijiet mhux mistennija. Uża l-enerġija tiegħek biex issib soluzzjonijiet għall-problemi li tista’ ssib mat-triq.
     
  13. Aċċetta l-limiti tiegħek. Mhix problema li għandek bżonnijiet differenti. Trid tara u tiddeċiedi għalik kif għandu jkun il-vjaġġ tiegħek, fil-possibbiltajiet u l-limitazzjonijiet tiegħek.
     
  14. Kun af drittijietek bħala passiġġier fl-Ewropa. Bħala persuna b’diżabbiltà jew “Persuna b’Mobbiltà Mnaqqsa” (PRM), int intitolat li tivvjaġġa u li tkun megħjun meta tivvjaġġa fl-Ewropa bl-ajru, bil-ferrovija, bil-vapur, bil-karozza tal-linja u bil-kowċ. Informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek tinsab fil-paġna web tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri, hawnhekk).