© Warren Goldswain - Shutterstock
Iġri għal kawża tajba: ħu sehem f’ġirja karitattiva.
L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 10/07/2024
Tixtieq tikkontribwixxi għal kawża għal qalbek? Kemm jekk int sportiv u kemm jekk le, mod kif iżżomm ruħek f’saħħtek u tiġbor il-flus għal kawża ġusta huwa li tieħu sehem f’ġirja karitattiva.
Maratona jew ġirja f’isem organizzazzjoni karitattiva hi metodu biex iżżid l-għarfien dwar xi kawża. Hi wkoll alternattiva aktar prattika għad-donazzjonijiet online. Hawnhekk se ssib xi suġġerimenti biex tibda!
L-ewwel pass
L-ewwel ħaġa li trid tagħmel hi li tagħżel organizzazzjoni karitattiva jew kawża għal qalbek. Lil hinn mis-sens ta’ kisba li tħoss meta tispiċċa tellieqa, li tiġri f’isem organizzazzjoni karitattiva se jagħtik aktar skop biex tilħaq l-għan tiegħek.
Ara li tiċċekkja s-sit web tal-organizzazzjoni karitattiva u tara kif se jiġu allokati l-fondi miġbura. Tista’ wkoll tibda billi tiċċekkja l-avvenimenti ta’ ġiri li ġejjin fl-Ewropa fuq Marathon Runners Diary u Ahotu Marathons u ara liema organizzazzjoni karitattiva se tkun preżenti.
Tixtieq tappoġġja organizzazzjoni karitattiva speċifika fid-distrett tiegħek jew tiġri għal kawża speċifika li għadha ma ġietx indirizzata minn organizzazzjoni karitattiva? Tista’ tibni l-proġett tiegħek stess! Irid jiġi spjegat b’attenzjoni, speċjalment jekk trid tiġbor il-fondi. Tinsiex li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà qiegħed hemm biex jappoġġja l-proġetti ta’ solidarjetà taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea.
It-tieni pass
Issa li taf għal liema organizzazzjoni karitattiva tixtieq tiġri, tgħallem kollox dwar ir-rekwiżiti tat-tellieqa. Normalment tintalab tħallas tariffa għar-reġistrazzjoni u tiġbor il-wegħdiet. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, se tirċievi formola ta’ ġbir ta’ fondi biex issib nies oħra biex jappoġġjaw il-ġirja tiegħek. Il-parteċipanti mmotivati jistgħu jiġbru eluf ta’ euro għall-organizzazzjonijiet karitattiva favoriti tagħhom bl-għodda fuq l-internet li jipprovdu l-akbar Maratoni. Stabbilixxi l-għanijiet tiegħek u kun realistiku, speċjalment jekk hija l-ewwel darba tiegħek!
Ftakar li bi tpattija, se tgawdi ġirja sabiħa, tagħmel xi ħaġa b’sinifikat, titgħallem ħiliet ġodda (bħall-ġbir tal-fondi!) u tirċievi diversi rikonoxximenti mill--organizzazzjoni karitattiva li qed tiġri għaliha. Se tagħmel parti minn xi ħaġa importanti u żgur li tagħmel ħbieb ġodda li jaqsmu l-istess preokkupazzjonijiet bħalek!
Tlaqna...
Jekk ma tantx ġrejt qabel, hu importanti li tipprepara ruħek sew minn qabel. Dawn huma xi ftit pariri:
- Ara li jkollok it-tagħmir it-tajjeb. Ilbies tal-ġiri ta’ kwalità tajba huwa essenzjali. Itlob parir f’ħanut speċjalizzat biex tkun ċert li jkollok iż-żarbun li jagħti lil saqajk l-appoġġ it-tajjeb.
- Ħu ħsieb tiegħek innifsek. Segwi dieta bilanċjata u tpejjipx jekk tista’, peress li dan jagħmel differenza u jagħmilha aktar faċli biex tiġri.
- Agħmel kollox sew. Indilek bi cream kontra x-xemx, ara li tagħmel l-istretching qabel titlaq, żomm dahrek dritt u ħu nifs fil-fond meta tkun qed tiġri.
- Tgħaġġilx. Trid il-paċenzja biex tiġri maratona. Ħejji ruħek minn xhur qabel b’eżerċizzju regolari. Ibda billi tiġri distanzi qosra fuq uċuħ ċatti għall-ewwel. Iġri bil-mod, biżżejjed biex iżżomm l-istess pass mill-bidu sal-aħħar.
- Ara li tixrob biżżejjed. Ixrob l-ilma regolarment, qabel u matul il-ġirja.
- Żomm traċċa tal-progress tiegħek. Uża app fuq l-ismartphone tiegħek jew pedometru biex tgħodd il-passi tiegħek, jew żomm ġurnal tal-ġiri biex timmotiva ruħek.
- Iġri ma’ sħabek. Iktar divertenti li tiġri ma’ oħrajn – iġri ma’ sħabek jew ingħaqad ma’ klabb tal-ġiri biex tiltaqa’ ma’ oħrajn li jiġru bħalek.