Skip to main content
© Photo by Daniel Josef on Unsplash © Photo by Daniel Josef on Unsplash

Attiviżmu online

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ġimgħa, 11/06/2021

Fi kliem sempliċi, l-attiviżmu jfisser li tieħu azzjoni u tgħolli l-vuċi tiegħek biex timmobilizza n-nies u eventwalment ikollu impatt politiku. Għalhekk, l-attiviżmu online huwa dwar l-użu ta’ għodod diġitali bħall-media soċjali, il-blogs, il-pjattaformi ta’ diskussjoni u l-petizzjonijiet bħala mezz lejn il-bidla li tixtieq tara.

Int ħerqan li tħalli impatt fuq il-komunità lokali tiegħek? Tixtieq tara bidliet fl-Ewropa jew globalment? Il-vuci tiegħek tgħodd. Hemm modi differenti kif tista’ ssemma’ l-vuċi tiegħek bħall-protesti kontra t-tibdil fil-klima. Dan jista’ jsir ukoll online. Skopri kif.

Il-qawwa tal-messaġġ tiegħek

Hemm diversi suġġetti reċenti ta’ attività u spinta miż-żgħażagħ għall-bidla, bħad-diskriminazzjoni (#BlackLivesMatter), l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (#MeToo) jew it-tibdil fil-klima (#FridaysForFuture). Wieħed ma jeskludix l-ieħor - għalhekk tista’ tappoġġjahom kollha - u kull wieħed iġorr messaġġ u azzjoni qawwija u meħtieġa warajhom.

L-użu ta’ hashtags komuni jgħin biex jgħaqqad lin-nies mid-dinja kollha li jagħmlu kampanja għall-istess kawża. B’hekk, isiru aktar b’saħħithom flimkien u jistgħu jikkoordinaw l-azzjoni biex jiksbu impatt akbar.

Iż-żgħażagħ huma l-aktar ippreparati biex ikunu jafu kif jadattaw il-messaġġi u joħolqu impatt permezz ta’ għodod diġitali u mezzi tal-media soċjali differenti, għalhekk aħtaf it-talent uniku tiegħek u xerred il-kelma. Tista’ tuża, pereżempju, TikTok, Instagram jew Twitter biex tqajjem kuxjenza u titkellem dwar sitwazzjonijiet li tixtieq tibdel. 

Jekk tħoss li tixtieq tiżviluppa l-idea tiegħek u tressaq l-argumenti tiegħek b’mod aktar estensiv, tista’ tixxerja u tiddiskuti billi tuża pjattaformi bħal: the 25 Percent ProjectMedia Activism jew European Youth Ideas li hi rabta bejnek u l-Parlament Ewropew fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Tista’ tagħmel suġġerimenti dwar kwistjonijiet li l-Ewropa qed tiffaċċja llum il-ġurnata u taqsam l-ideat tiegħek għall-Ewropa ta’ għada.

Agħmel pass ’il quddiem u biddel l-idea tiegħek f’realtà

Jekk l-idea tiegħek tmur id f’id ma’ proġett jew idea konkreta li tista’ tiġi implimentata f’ċertu perjodu ta’ żmien tista’ tibda petizzjoni online permezz ta’ pjattaformi bħal Change.org.

Biex tqiegħed fil-prattika l-idea jew il-proġett tiegħek, se jkollok bżonn assistenza finanzjarja. Hemm pjattaformi li tista’ tuża biex ixxerred il-kelma dwar dak li tixtieq tagħmel u tiġbor appoġġ għall-kawża tiegħek, pereżempju GoFundMe, Goteo jew Avaaz.

Il-bidla li tixtieq tara fid-dinja hija relatata mal-UE?

Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jeżisti bħala mekkaniżmu ta’ djalogu bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li qed iseħħ fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Għalhekk, għandha l-għan li tiżgura li l-opinjoni, il-fehmiet u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni tal-politiki tal-UE dwar iż-żgħażagħ. Hawnhekk tista’ tiċċekkja l-punti ta’ kuntatt tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ

Minbarra li tixxerja l-ideat u l-fehmiet tiegħek tista’ tiġbor u tingħaqad ma’ diskussjonijiet impenjati oħra ma’ individwi oħrajn biex issawwar il-preżent u l-futur tal-UE, pereżempju s-sit web together.eu, li nħoloq mill-Parlament Ewropew biex iħeġġeġ il-parteċipazzjoni demokratika u jgħaqqad liċ-ċittadini.

Tista’ wkoll tirrikorri għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Din hija mekkaniżmu tal-UE biex titlob lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni u tipproponi liġijiet dwar kwistjoni li għadha mhix irregolata. Kulħadd jista’ jressaq proposta fuq il-pjattaforma, iniedi kampanja u jibda t-triq biex jinġabru miljun firma minn tal-anqas 7 pajjiż differenti tal-UE. Ladarba l-proposta tiegħek tikseb dan, il-Kummissjoni Ewropea se jkollha tesprimi l-pożizzjoni tagħha. 

Fl-aħħar nett, tista’ tikkuntattja lill-Membri tal-Parlament Ewropew għaliex huma rappreżentanti eletti miċ-ċittadini biex jirrappreżentaw l-interess tan-nies fir-rigward tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE u biex jiżguraw li istituzzjonijiet oħra tal-UE qed jaħdmu b’mod demokratiku.

Ftakar li l-vuċi tiegħek tgħodd u tista’ ssemmagħha minn fejn tinsab bħalissa. Kemm tagħżel il-mezzi li huma adatti għalik u għall-kawża tiegħek!