Skip to main content
young people together in a room © European Union

Konsultazzjonijiet preċedenti marbuta mad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 05/03/2024

Id-djalogu ilu għaddej għal snin sħaħ! Aqra dwar iċ-ċikli preċedenti tad-Djalogu Strutturat u dwar id-Djalogu maż-Żgħażagħ attwali!

Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ hu s-suċċessur tad-Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ li nħoloq taħt l-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ preċedenti mill-2010 sal-2018. Sabiex tifhem aħjar id-Djalogu, tista’ tagħti daqqa t’għajn liċ-ċikli tal-passat u tara kif intużaw l-eżiti tagħhom biex il-vuċijiet taż-żgħażagħ ikunu inklużi fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE.

 

Djalogu Strutturat, l-ewwel ċiklu 
“Impjiegi taż-Żgħażagħ”
1 ta’ Jannar 2010 – 30 ta’ Ġunju 2011

L-ewwel ċiklu tad-Djalogu Strutturat iffoka fuq it-tema wiesgħa tal-"Impjiegi taż-żgħażagħ", b'kull fażi tibni fuq ir-riżultati tal-Presidenza preċedenti; it-tliet Presidenzi li ospitaw il-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u mexxew il-proċess kienu l-Ungerija, il-Belġju u Spanja. F’dan il-Kompendju ppubblikat mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ tal-Ministeru tar-Riżorsi Nazzjonali fl-Ungerija ssib ħarsa ġenerali lejn l-ewwel ċiklu tad-Djalogu Strutturat.
Barra minn hekk, tista’ taqra dwar l-eżiti tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ fl-Ungerija.

L-eżiti: Fl-aħħar ta' dan iċ-ċiklu ta' 18-il xahar tad-Djalogu Strutturat, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Riżoluzzjoni tal-Kunsill li tenfasizza r-rakkomandazzjonijiet ewlenin mill-proċess.

L-eżiti tqiesu wkoll:

  • fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Promozzjoni tal-Impjiegi taż-Żgħażagħ biex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020 u
  • fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-istati membri, f'laqgħa fil-Kunsill, dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ.

 

Djalogu Strutturat, it-tieni ċiklu
“Parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa”
1 ta’ Lulju 2011 - 31 ta’ Diċembru 2012

It-tieni ċiklu tad-Djalogu Strutturat iffoka fuq il-prijorità tematika wiesgħa tal-"Parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa", b'kull wieħed mill-pajjiżi tal-Presidenza (il-Presidenzi ta' Ċipru, id-Danimarka u l-Polonja) jiddeċiedi dwar il-prijoritajiet speċifiċi tiegħu:

L-eżiti: Fl-aħħar ta' dan iċ-ċiklu ta' 18-il xahar tad-Djalogu Strutturat, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Riżoluzzjoni tal-Kunsill li tenfasizza r-rakkomandazzjonijiet ewlenin mill-proċess.

 

Djalogu Strutturat, it-tielet ċiklu
“Inklużjoni Soċjali”
1 ta’ Jannar 2013 - 30 ta’ Ġunju 2014

It-tielet ċiklu tad-Djalogu Strutturat kien iffukat fuq “L-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ fl-Ewropa”, fejn ipparteċipaw il-Presidenzi tal-Irlanda, il-Litwanja u l-Greċja. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom kieku ta’ input għall-abbozzar tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill dwar l-inklużjoni soċjali u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ.

L-eżiti: Fl-aħħar ta' dan iċ-ċiklu ta' 18-il xahar tad-Djalogu Strutturat, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Riżoluzzjoni tal-Kunsill li tenfasizza r-rakkomandazzjonijiet ewlenin mill-proċess.

 

Djalogu Strutturat, ir-raba’ ċiklu
“Awtonomija taż-żgħażagħ”
1 ta’ Lulju 2014 - 31 ta’ Diċembru 2015

Ir-raba’ ċiklu tad-Djalogu Strutturat kien iffukat fuq l-“Awtonomija taż-żgħażagħ” b’attenzjoni partikolari għall-aċċess tagħhom għad-drittijiet u l-parteċipazzjoni politika. It-tliet Presidenzi li pparteċipaw f’dan iċ-ċiklu kienu l-Italja, il-Latvja u l-Lussemburgu.

 

Djalogu Strutturat, il-ħames ċiklu
1 ta’ Jannar 2016 - 30 ta’ Ġunju 2017

Il-ħames Ċiklu tad-Djalogu Strutturat kellu l-motto: “Nippermettu liż-żgħażagħ kollha jimpenjaw ruħhom f’Ewropa varjata, konnessa u inklużiva. Lesti għall-ħajja, lesti għas-soċjetà”, li kopra l-Presidenzi tan-Netherlands, is-Slovakkja u Malta.

L-eżiti: Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti finali mill-ħames Ċiklu ġew adottati fil-laqgħa tal-Kunsill (Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport) fi Brussell fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2017. F’dan iċ-ċiklu l-isforzi biex ikun hemm estensjoni lejn tipi ġodda ta’ organizzazzjonijiet jibdew juru effetti pożittivi b’żieda fin-numru ta’ korpi pubbliċi u organizzazzjonijiet ċivili involuti.

 

Djalogu Strutturat, is-sitt ċiklu
1 ta’ Lulju 2017 - 30 ta’ Diċembru 2018

Is-sitt ċiklu tad-Djalogu Strutturat tal-UE kellu bħala suġġett ġenerali "Iż-Żgħażagħ fl-Ewropa: Xi jmiss?", u kopra l-Presidenzi Estonjana, Bulgara u Awstrijaka. L-għan ta’ dan iċ-ċiklu kien li jinġabru l-vuċijiet taż-żgħażagħ u li jikkontribwixxu flimkien biex tinħoloq l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 li ġiet adottata f’Novembru 2018. Fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ il-ġdida, ġie introdott id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, li jibni fuq is-suċċess tad-Djalogu Strutturat bl-għan li jiġu inklużi aktar persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet u żgħażagħ, speċjalment dawk li ma tantx jistgħu jsemmu leħinhom u b’anqas opportunitajiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, filwaqt li jitħeġġu l-involviment ċiviku u l-parteċipazzjoni politika tagħhom.

L-eżiti: Is-sitt ċiklu kien ikkaratterizzat mill-adozzjoni ta’ ħdax-il Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ li jidhru bħala Anness fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Dawn l-għanijiet jirriflettu l-opinjonijiet taż-żgħażagħ fl-Ewropa u jirrappreżentaw il-viżjoni ta’ dawk attivi fid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ. L-elementi huma dawn li ġejjin:

  • Konnessjoni bejn l-UE u ż-Żgħażagħ
  • Ugwaljanza għall-Ġeneri Kollha
  • Soċjetajiet Inklużivi
  • Informazzjoni u Djalogu Kostruttiv
  • Saħħa Mentali u Benessri
  • Appoġġ għall-Iżvilupp taż-Żgħażagħ Rurali
  • Impjieg ta’ Kwalità għal Kulħadd
  • Tagħlim ta’ Kwalità
  • Spazju u Parteċipazzjoni għal Kulħadd
  • Ewropa Ekoloġika Sostenibbli
  • Organizzazzjonijiet taż-Żgħażagħ u Programmi Ewropej

 

Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, is-seba’ ċiklu
2019 – 2020

Is-seba’ ċiklu nżamm taħt it-Triju ta’ Presidenzi tar-Rumanija - il-Finlandja - il-Kroazja, u beda fl-1 ta’ Jannar 2019 u baqa’ għaddej għal 18-il xahar sa Ġunju 2020. 

Il-prijorità tematika magħżula mit-Triju ta’ Presidenzi hi: “Noħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ” b’enfasi fuq: 

  • Impjieg ta’ Kwalità għal Kulħadd 
  • Ħidma fost iż-Żgħażagħ ta’ Kwalità għal Kulħadd 
  • Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ Rurali 

Għalhekk, il-prijorità tematika hi direttament marbuta ma’ tliet Għanijiet tal-UE dwar iż-Żgħażagħ: Impjiegi ta’ Kwalità għal Kulħadd, Tagħlim ta’ Kwalità, u Appoġġ għall-Iżvilupp taż-Żgħażagħ Rurali 

Dan iċ-ċiklu jibni fuq il-kisbiet taċ-ċiklu preċedenti, b’mod partikolari l-adozzjoni tal-Istrateġija u l-Għanijiet ta’ Żgħażagħ tal-UE relatati - li jipprovdu l-viżjoni u l-miri sal-2027, u għandu l-għan li jipprovdi aktar għarfien dwar kif jistgħu jinkisbu permezz ta’ miżuri ta’ politika, programmi u azzjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali.

Eżiti
Matul l-aħħar ċiklu, 50,000 parteċipant iffurmaw kampjun varjat u inklużiv, bi 12.5% jidentifikaw lilhom infushom bħala LGBTQ, 9.5% bħala minoranzi etniċi u 4.7% bħala persuni b’diżabbiltà. Id-djalogu kien jinkludi metodi u għodod differenti, inkluż stħarriġ online, iżda wkoll diskussjonijiet fi gruppi fokali biex jintlaħqu l-gruppi esklużi u biex ikunu jistgħu jiġu identifikati ħtiġijiet differenti taż-żgħażagħ relatati ma’ dan iċ-ċiklu ta’ prijoritajiet tematiċi. 

Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti finali minn dan iċ-ċiklu ta’ 18-il xahar ġew ikkunsidrati fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-eżiti tas-seba’ Ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ
 

Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, it-tmien Ċiklu

It-tmien ċiklu sar taħt it-Triju ta’ Presidenzi tal-Ġermanja - il-Portugall - is-Slovenja, li beda fl-1 ta’ Lulju 2020, u dam 18-il xahar. 

Il-prijorità tematika magħżula mit-Triju ta’ Presidenzi hi: “Ewropa għaż-Żgħażagħ – Żgħażagħ għall-Ewropa: Spazju għad-Demokrazija u l-Parteċipazzjoni”. 

Il-prijorità tematika hi għalhekk marbuta direttament mal-Għan dwar iż-Żgħażagħ numru 9: Spazju u Parteċipazzjoni għal Kulħadd

Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti finali minn dan iċ-ċiklu ta’ 18-il xahar ġew ikkunsidrati fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-Eżiti tat-Tmien Ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Id-disa’ ċiklu attwali

Id-disa’ ċiklu qed jinżamm taħt it-Triju ta’ Presidenzi ta’ Franza – ir-Repubblika Ċeka – l-Iżvezja, li beda fl-1 ta’ Jannar 2022, u se jdum 18-il xahar. 

Il-prijorità tematika magħżula mit-Triju ta’ Presidenzi hi: “Ewropa Sostenibbli u Ekoloġika”.

Il-prijorità tematika hi għalhekk marbuta direttament mal-Għanijiet dwar iż-Żgħażagħ numru 3: Soċjetajiet Inklużivi u numru 10: Ewropa Ekoloġika Sostenibbli.

F’kull ċiklu l-EUYD jilħaq aktar minn 50,000 żagħżugħ u żagħżugħa u hu wieħed mill-akbar proċessi parteċipattivi uniċi għaċ-ċittadini (l-akbar wieħed għaż-żgħażagħ) fl-UE bis-saħħa tal-kapaċità tiegħu li jimmobilizza ż-żgħażagħ permezz ta’ pjattaformi nazzjonali u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Sabiex aktar żgħażagħ jipparteċipaw irrispettivament mill-isfond, il-livell edukattiv jew il-mezzi finanzjarji, id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ għandu għeruq lokali u hu inkorporat f’azzjonijiet oħrajn tal-UE li jappoġġjaw inizjattivi dwar il-parteċipazzjoni u d-djalogu. 

Sib il-ħidma u l-konklużjonijiet kollha tad-delegati żgħażagħ fir-rapport finali tal-Konferenza Ewropea dwar iż-Żgħażagħ hawn taħt li saret taħt il-Presidenza Franċiża:

  • Verżjoni Ingliża
  • Verżjoni Franċiża