Skip to main content
© Elyssa Fahndrich - Unsplash © Elyssa Fahndrich - Unsplash

Drittijiet tan-nisa: l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hi realtà fl-Ewropa?

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 07/09/2021

L-attitudnijiet lejn l-ugwaljanza qed jevolvu, iżda anke l-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum mhix immuni għall-istereotipi u d-differenzi bejn il-ġeneri. Illum il-ġurnata, l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel għadhom jippersistu, b’mod partikolari fis-suq tax-xogħol.

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-UE għamlet progress sinifikanti fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’dawn l-aħħar għexur ta’ snin. Madankollu, għadhom jeżistu diskrepanzi bejn il-ġeneri u fis-suq tax-xogħol in-nisa għadhom rappreżentati aktar milli suppost fis-setturi li jħallsu anqas filwaqt li mhumiex rappreżentati biżżejjed f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet. 

Il-Kummissjoni Ewropea poġġiet l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-quċċata tal-aġenda politika tagħha u reċentement adottat Strateġija ta’ Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri (2020–2025) ambizzjuża mmirata lejn Ewropa li tħaddan l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Dawn huma xi wħud mill-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa, naturalment, jeżistu aktar sfidi.

X’inhi s-sitwazzjoni u x’qed tagħmel l-UE?

L-azzjoni tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri hi integrata f’diversi oqsma ta’ politika u għandha l-għan li tiżgura drittijiet ugwali bħall-ugwaljanza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, it-tmiem tal-vjolenza sessista u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Din hi statistika ewlenija dwar is-sitwazzjoni u l-azzjonijiet konnessi tal-UE.

Paga Ugwali

In-nisa jaqilgħu bħala medja 16% anqas mill-irġiel fl-Unjoni Ewropea (UE-27) b’differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi. L-UE tqajjem kemm kuxjenza dwar is-sitwazzjoni bil-kampanja annwali tal-Jum għall-Paga Ugwali tal-Kummissjoni Ewropea fl-4 ta’ Novembru kif ukoll tadotta diversi liġijiet bħalma huma d-drittijiet tal-UE għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Edukazzjoni u Riċerka

L-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni jippersistu pereżempju f’termini ta’ preferenzi tas-suġġetti ta’ studju. Hu aktar probabbli li n-nisa jkollhom lawrja ta’ edukazzjoni għolja iżda jibqgħu rappreżentati żżejjed fl-oqsma ta’ studju li huma marbuta ma’ rwoli femminili tradizzjonali bħalma huma l-oqsma relatati mal-kura u huma sottorappreżentati f’oqsma bħax-xjenza u l-inġinerija. 

Din hi r-raġuni għaliex l-UE tmexxi l-Premju tal-UE għall-Innovaturi Nisa u tappoġġja l-Jum Internazzjonali tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza. Il-ġeneru hu wkoll kwistjoni trasversali f’Orizzont 2020, il-programm ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. 

Vjolenza 

33% tan-nisa fl-UE esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali! 

L-UE għandha l-għan li tindirizza l-vjolenza sessista permezz ta’ leġiżlazzjoni u miżuri prattiċi dwar id-drittijiet tal-vittmi f’konformità mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.

Tmexxija

Fl-aħħar nett, in-nisa huma anqas rappreżentati f’pożizzjonijiet ewlenin f’diversi oqsma: il-politika, l-ekonomija, ix-xjenza u r-riċerka. 7.5% biss tal-presidenti tal-bordijiet u 7.7% tas-CEOs huma nisa (ara l-iskeda informattiva dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025)! 

L-Unjoni Ewropea hi impenjata li turi t-triq. Immexxija minn Ursula von der Leyen, l-ewwel President mara tal-Kummissjoni, il-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-UE hu, għall-ewwel darba fl-istorja, qrib il-kisba tal-parità bejn il-ġeneri. 

Kif qed tkejjel il-progress l-UE?

Ħafna modi biex tiġi miġġielda l-inugwaljanza bejn il-ġeneri huma disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE. L-identifikazzjoni tal-problema hi l-ewwel pass fil-proċess, filwaqt li l-Eurostat jipprovdi informazzjoni dwar l-UE kollha kemm hi, kif ukoll dwar l-Istati Membri tagħha. 

Ladarba tinġabar l-informazzjoni, il-korpi bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistgħu jibdew jaħdmu favur opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa permezz tal-ħolqien ta’ politiki aħjar. Hu jippubblika Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri li jkejjel il-kunċett kumpless tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jgħin fil-monitoraġġ tal-progress tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE kollha matul iż-żmien. 

Il-Programm ta’ Tagħlim Reċiproku bejn l-Istati Membri tal-UE ssaħħaħ biex jiġu xxerjati l-azzjonijiet kontra d-distakk bejn il-ġeneri. L-Iżvizzera, il-Ġermanja u l-Awstrija, pereżempju, qed jużaw għodod innovattivi bħal kalkulaturi tal-pagi, biex iqajmu kuxjenza dwar il-kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. 

L-UE taħdem ukoll mill-qrib ma’ korpi nazzjonali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħal-Lobby tan-Nisa Ewropej

Għandek bżonn l-għajnuna? 

Qatt ħassejt li ma rnexxilekx issib xogħol minħabba l-ġeneru tiegħek? Jew rajt lil xi ħadd jiġi trattat b'mod differenti minħabba l-ġeneru tiegħu? Ikkuntattja lill-korp nazzjonali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u skopri kif il-liġi tal-UE tista' tiddefendi l-każ tiegħek.