Skip to main content
©John Schnobrich - Unsplash ©John Schnobrich - Unsplash

Drittijietek online

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ġimgħa, 18/09/2020

L-użu tal-internet u l-media soċjali saru parti mill-ħajja ta’ kuljum fl-Ewropa kollha, imma x’inhuma drittijietek meta tkun qed tibbrawżja fuq il-web?

Sew jekk għall-aħbarijiet, sew jekk għall-isport, sew jekk għad-divertiment u sew jekk għall-istudju, ħafna minna se jkunu online kuljum. Li tkun taf drittijietek jista’ jgħinek biex tixtri, biex tosserva d-drittijiet tal-awtur, u biex tevita li tiġi abbużat.

Meta tikseb l-konnessjoni tal-internet

Int fejn int fl-UE, int trid tkun tista’ taċċessa servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi ta’ kwalità tajba bi prezzijiet raġonevoli - inkluż aċċess tal-internet bażiku. Dan hu magħruf bħala forniment ta’ “servizz universali”. Għandu jkun hemm ta’ mill-anqas fornitur wieħed tal-internet li jista’ jipprovdilek dan is-servizz. 

Jekk int utent b’diżabbiltà, għandek dritt għall-istess firxa u għażla ta’ servizzi li jgawdu l-konsumaturi l-oħra. Tista’ tkun eliġibbli għal aċċessibbiltà speċjali mill-fornitur tas-servizz tiegħek - bħal software li jkabbar it-tipa tal-iskrin jew qarrej tal-iskrin, jekk int nieqes mid-dawl.

Jekk issiefer f’pajjiż ieħor, tkun tista’ dejjem tiċċekkja r-regoli fil-pajjiż u tikseb l-appoġġ billi tagħti daqqa t’għajn lejn il-kuntatti mogħtija hawnhekk.

Internet miftuħ

Ir-regoli tal-UE dwar l-internet miftuħ jagħtuk id-dritt bħala utent għal aċċess u/jew li tqassam kwalunkwe kontenut jew servizzi online li tagħżel. Il-fornitur tal-internet tiegħek ma jistax jimblukka, ifixkel jew jiddiskrimina kontra xi kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi online, ħlief fi 3 każijiet speċifiċi:

  • biex tikkonforma ma’ obbligi legali, bħal sentenza tal-qorti li timbblokka kontenut illegali speċifiku
  • biex tippreżerva s-sigurtà u l-integrità tan-network, pereżempju biex jiġu miġġielda l-viruses jew il-malware
  • biex tiġi ġestita konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja.

Xiri online

Xiri online sar mod prattiku u konvenjenti biex takkwista xi skont. Sempliċement billi tikklikkja tista’ jkollok oġġetti mwasslin f’darek, iżda x’tista’ tagħmel jekk il-prodott tiegħek mhux dak li stennejt? Drittijietek għal garanziji u returns għandhom ikopruk sa 14-il jum wara li jsir ix-xiri.

Informa ruħek dwar drittijietek biex tevita kwistjonijiet meta tixtri online hawnhekk!

Id-drittijiet tal-awtur online

Għal dawk li minnkom li huma kreattivi diġitalment (fotografi, bloggers u podcasters, biex jissemmew xi eżempji), li tkun taf liema drittijiet tal-awtur jistgħu jkollhom impatt fuq ix-xogħol tiegħek jista’ jkun importanti ħafna. Il-Kummissjoni Ewropea għandha sett ta’ direttivi dwar din it-tema li jista’ jgħinek biex tevita kwistjonijiet tal-futur għalik!

Protezzjoni tad-data 

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) hu r-regolament Ewropew li daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2018 li għandu l-għan li jgħaqqad r-regoli li jikkonċenraw l-ipproċessar tad-data personali marbuta mal-individwi fl-UE minn individwu, kumpanija jew organizzazzjoni. 

Skont il-GDPR, id-data personali (bħan-numru tat-telefown, ir-ritratti, l-opinjonijiet jew id-dettalji tal-bank tiegħek) għandhom jinħażnu biss għaż-żmien li hemm bżonn biex jinkiseb l-għan li għalih id-data miġbura.

Il-proċessuri u l-kontrolluri huma responsabbli biex jiżguraw is-sigurtà tad-data f’kull stadju. F’xi sitwazzjonijet, tista’ titlob li d-data tiegħek ma tiġix ipproċessata, jew li l-ipproċessar tagħha tiġi “ristretta”. Dan hu magħruf ukoll bħala “dritt ta' oġġezzjoni” u dan jista’ jiġri minħabba li int tqis li dik l-informazzjoni partikolarment sensittiva.

Tabilħaqq hemm ukoll diversi eċċezzjonijiet fir-regoli tal-GDPR, pereżempju meta d-data tiġi anonimizzata, bżonjuża fir-records amministrattivi jew meta individwu jippreżenta theddida għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

Aqra dwar il-modi kif dan ir-regolament jimpatta fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum hawnhekk.