Skip to main content
© kylebaker - Flickr, CC by 2.0 © kylebaker - Flickr, CC by 2.0

Sib u ikseb borża ta’ studju!

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 04/01/2021

Tixtieq tgawdi l-ħajja ta’ student f’pajjiż ieħor iżda tibża' li se tiswielek fortuna? Kompli aqra biex issir taf kif tista’ ssib borża ta’ studju u tibda s-sena akkademika li jmiss fil-pajjiż tal-ħolm tiegħek.

Miżati għat-tagħlim fl-Ewropa

Il-miżati għat-tagħlim tal-edukazzjoni għolja jvarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor fl-Unjoni Ewropea (UE). Madankollu, tajjeb li wieħed ikun jaf li l-miżati għat-tagħlim huma, b’mod ġenerali, aktar baxxi milli f’kontinenti oħrajn u hemm ħafna opportunitajiet ta’ boroż ta’ studju li wieħed jista’ jsib. 

L-ewwel ħaġa hija li jiġu evalwati l-ispejjeż tal-istudji tiegħek barra mill-pajjiż. Kull sena, in-network Eurydice jippubblika rieżami kemm tal-miżati tal-istudenti kif ukoll tas-sistemi ta’ appoġġ (inklużi l-għotjiet u s-self) fl-Edukazzjoni Għolja Ewropea (iċċekkja s-suġġett “miżati” skont ir-rapporti komparattivi tagħhom). 

Tista’ wkoll tiċċekkja siti web bħal StudyinEurope, Study.EU, jew direttament fuq portali ta’ informazzjoni nazzjonali dwar l-edukazzjoni għolja u fuq is-sit web tal-istituzzjoni fejn qed tikkunsidra li tistudja. 

Sib boroż ta’ studju

Jinteressak li tiftaħ l-esperjenza tiegħek bħala student barra l-Ewropa? Ninsab ċert li smajt b’Erasmus+! Dan il-programm tal-UE joffri lill-istudenti tal-edukazzjoni għolja għotja biex jagħmlu perjodu ta’ studju barra minn pajjiżhom f’aktar minn 34 pajjiż. Iċċekkja kif tista’ tibda f’dan l-artiklu.

Erasmus+ joffri wkoll boroż ta’ studju ffinanzjati mill-UE għal diversi programmi ta’ master’s u ta’ dottorat (lawrji Master’s konġunti Erasmus Mundus). Agħti ħarsa lejn il-katalgu tal-Kummissjoni għal programmi disponibbli għas-sena akkademika li jmiss. Jekk tara kors li jolqtok, trid tikkuntattja lill-konsorzju li joffri l-programm għal aktar informazzjoni u dettalji tal-applikazzjoni.

Il-Portal dwar il-Boroż ta' Studju fih bażi tad-data b’aktar minn elf opportunità disponibbli f’pajjiżi madwar id-dinja kollha. Agħżel il-livell li tixtieq (minn sekondarja sa postdottorat), il-pajjiż tiegħek u l-pajjiż fejn trid tistudja u l-portal joħroġ bil-boroż ta’ studju li jaqblu mal-profil tiegħek.

Xi istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jipproponu boroż ta’ studju biex jattiraw l-aħjar studenti jew gruppi speċifiċi (eż. nisa fl-iskejjel tan-negozju), kun ċert li tiċċekkja s-siti web tal-iskejjel li inti interessat fihom, normalment ikollhom paġna għall-boroż ta’ studju. 

Tista’ wkoll tagħti ħarsa lejn is-siti web tal-ministeri nazzjonali inkarigati mill-edukazzjoni għall-boroż ta’ studju għall-istudenti internazzjonali. Pereżempju, il-Ġermanja tipprovdi finanzjament permezz ta’ DAAD, tista’ tistudja fl-Ungerija mal-Istitut Blassi, tapplika għall-Sports and Endeavour scholarship schemes f’Malta u boroż ta’ studju Chevening fir-Renju Unit. 
Iċċekkja l-Bażi tad-Data tal-Programm Eurodesk għal lista ta’ boroż ta’ studju. Il-biċċa l-kbira jagħżlu lill-istudenti abbażi ta’ kriterji tat-talent/mertu u/jew tad-diversità. Ħares bir-reqqa lejn il-kundizzjonijiet tagħhom u kun ċert li tibni applikazzjoni b’saħħitha. 

Fl-aħħar nett, taf li tista’ tissellef flus għal programm ta’ lawrja ta’ Master’s?
Is-Self għall-Master’s ta’ Erasmus+ jagħti l-opportunità lill-istudenti biex jissellfu sa €12,000 għal programm ta’ lawrja ta’ Master’s ta’ sena jew €18,000 għal programm ta’ lawrja ta’ Master’s ta’ sentejn biex jistudjaw f’wieħed mill-34 pajjiż tal-programm Erasmus+. 
Biex tkun eliġibbli, trid tkun ċittadin ta’ wieħed mill-34 pajjiż tal-programm Erasmus+ u rreġistrat għal programm ta’ Master’s f’pajjiż differenti mill-pajjiż ta’ residenza tiegħek, u f’pajjiż differenti minn fejn kont segwejt il-Baċellerat tiegħek.
Id-dettalji kollha huma disponibbli hawnhekk:

Lest biex tapplika?

Dawn huma xi suġġerimenti dwar kif tikseb borża ta’ studju:

  1. Aqbad fittex (u applika) għal boroż ta’ studju malajr kemm jista’ jkun. Il-biċċa l-kbira tal-iskadenzi tal-applikazzjonijiet ikunu fil-bidu tas-sena li fiha jibda l-kors, għaldaqstant tistenniex sar-rebbiegħa jekk tixtieq borża ta’ studju għal Settembru.
     
  2. Organizza ruħek! Agħmel lista tal-iskadenzi li ma tridx titlef u tħallix għall-aħħar biex tibda tikteb l-applikazzjoni. Vera li trid il-ħin, iżda mbagħad tinduna li dan kien jagħmel sens meta jaslu l-flus ta’ finanzjament.
     
  3. Applika għal kemm tiflaħ boroż ta’ studju (basta tkun eliġibbli, ovvjament). Forsi tibża' li tant ikun hemm applikazzjonijiet li ma għandekx ċans, iżda jekk ma tapplikax għandek imnejn titlef l-opportunità ta’ ħajtek. Ma tistax tgħid! Jekk ma tippruvax ma jirnexxilekx żgur.
     
  4. Tħabbilx wisq rasek jekk ma tiħux il-borża ta’ studju. Erġa’ pprova għas-sena akkademika li jmiss jew aħseb f'xi mod ieħor biex tiffinanzja l-ideat tiegħek.


Tista’ wkoll taqra l-artiklu dwar 10 Suġġerimenti li għandek tiftakar meta tapplika għal borża ta’ studju.