Skip to main content
© Brooke Cagle - Unsplash © Brooke Cagle - Unsplash

Tgħallem lingwa permezz ta’ skambju ta’ konverżazzjoni!

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 10/07/2024

Jekk tixtieq taħkem lingwa, użaha! Warrab l-iskuża tas-soltu li ma għandek lil ħadd ma min tipprattika l-Olandiż jew il-Portugiż tiegħek miegħu. Issieħeb fi skambju ta’ konverżazzjoni u tista’ ttejjeb il-ħiliet tiegħek bla ħlas.

Skambju jew tandem ta’ konverżazzjoni hu tassew sempliċi: jekk titkellem bil-Franċiż u tixtieq taġġorna l-Grieg tiegħek, pereżempju, jeħtieġlek issib sieħeb Grieg li qed jistudja l-Franċiż. Nassumu li tiltaqgħu għal siegħa, għandkom taqsmu l-ħin tagħkom 50/50 –– nofs siegħa bil-Franċiż u nofs siegħa bil-Grieg.

Din hi opportunità unika biex twessa’ l-orizzonti tiegħek, u forsi li tagħmel ħbieb ġodda wkoll. Ta’ min jiftakar ukoll li ħakma tajba ta’ lingwa barranija waħda jew aktar tista’ tkun assi ewlieni fis-suq tax-xogħol.

Ħafna drabi, il-mod kif wieħed ifittex sieħeb lokali tandem hu billi juża l-gruppi ta’ Facebook, tista’ tittajpja xi kliem ewlieni, pereżempju: “Tandem” jew “Language Exchange” u l-isem tal-belt li qed tgħix fiha, biex issir taf dwar inizjattivi lokali normalment ospitati f’pub jew f'ħanut tal-kafè. 
Tfittex pjattaforma online jista’ ma jkunx faċli, hawnhekk tista’ ssib lista ta’ diversi pjattaformi (xi wħud jista’ jkollhom opzjonijiet primium imħallsin): Italki, Open Language Exchange jew Speaky tajbin ħafna biex issib sieħeb bil-lingwa nattiva tiegħek jew għalliem, Coeffee tħallik ukoll tilgħab logħob lingwistiku ma’ studenti oħrajn, Tandem jew Tandem Partners huma opzjonijiet tandem oħrajn.


Hawnhekk issib ftit suġġerimenti biex skambju tandem jirnexxi 

  1. Iċċekkja jekk li l-iskeda tal-ħinijiet tagħkom hix kompatibbli u stabbilixxu kemm spiss tixtiequ tiltaqgħu.
  2. Ftakar li s-sieħeb tiegħek mhux għalliem u li għandu mnejn ma jkunx jaf iwieġeb mistoqsijiet grammatikali kkumplikati.
  3. Ħudha bis-serjetà! Ikteb il-vokabularju l-ġdid u rrivedih qabel il-laqgħa li jmiss.
  4. Toqgħodx tibża’ li tagħmel żbalji. Għarraf lis-sieħeb tal-konverżazzjoni tiegħek kemm tixtieq li jikkoreġik. Normalment, l-aħjar li żżomm mat-triq tan-nofs; tikkoreġix lis-sieħeb tiegħek sal-aħħar dettall, li hu demoralizzanti, iżda lanqas ma għandek tinjorax żbalji serji (mod wieħed hu li tirrepeti dak li qal b’mod korrett).
  5. Kun ġust –– tipprovax tieħu aktar minn nofs il-ħin li għandkom flimkien biex titkellem il-lingwa li qed tipprattikaw.
  6. Jekk tixtieq tiffoka fuq tema partikulari, għarraf b’dan lis-sieħeb tat-tandem. Jekk ma għandkom xejn komuni u l-konverżazzjoni teħel, mhu xejn ta’ barra minn hawn; minflok fittex sieħeb ieħor.

 
Se tingħaqad ma’ programm tal-UE?

Jekk l-interess tiegħek fit-tagħlim ta’ lingwa ġej minn esperjenza futura f’pajjiż barrani permezz tal-Erasmus+ jew permezz tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, għandek tikkunsidra xi taħriġ bl-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS), għodda mfassla speċifikament mill-Kummissjoni Ewropea. 
L-għan hu li tħossok aktar komdu bil-lingwa li biha se taħdem, tistudja, jew tagħmel volontarjat sabiex tiżgura li jkun hemm esperjenza ta’ mobbiltà ta’ tagħlim aħjar. Tista’ tirreġistra f’ “Korsijiet Online Miftuħa Massivi” (MOOCs) tematiċi jew biex titħaddet ma’ kelliema nattivi u ma’ parteċipanti tal-OLS oħrajn (anki offline). Din l-għodda hi disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE kollha. Hi bla ħlas, madankollu, trid tkun reġistrat fi proġett tal-UE għaż-żgħażagħ biex taċċessaha.
Il-parteċipazzjoni f’perjodu ta’ studju barra mill-pajjiż, skambju taż-żgħażagħ jew esperjenza ta’ volontarjat barra mill-pajjiż hi wkoll mod tajjeb ħafna biex tiżviluppa l-ħiliet lingwistiċi tiegħek. Skopri l-opportunitajiet offruti mill-Erasmus+ u mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà!