Skip to main content
© Jean-Frederic Fortier - Unsplash © Jean-Frederic Fortier - Unsplash

Drittijiet tal-ivvjaġġar: Informa ruħek qabel tmur!

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 07/09/2021

Hemm għadd kbir ta’ raġunijiet biex tivvjaġġa u tesperjenza l-affarijiet sbieħ kollha li l-Ewropa għandha x’toffri. Biex tieħu dak kollu li tista’ miż-żmien li tqatta’ barra pajjiżek, kun familjari mad-drittijiet tiegħek, biex tkun tista’ tivvjaġġa mingħajr inkwiet!

Kellek dewmien jew ħassrulek il-vjaġġ? Il-bagalji tiegħek ġieli ntilfu? Mhux ċert dwar x’għandek tagħmel jekk xi ħaġa tmur ħażin meta tkun qed tivvjaġġa? Tinkwetax, kulma għandek bżonn jista’ jkun biss ftit klikkjaturi ’l bogħod bis-saħħa tal-app tal-UE “Your Passenger Rights” !

Drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija 

Drittijietek bħala passiġġier tal-ferrovija ġeneralment japplikaw għall-ferroviji internazzjonali kollha fl-UE.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu jekk dawn id-drittijiet għandhomx japplikaw jew le ukoll għall-ferroviji domestiċi (urbani, suburbani, reġjonali, eċċ.) u għall-ferroviji internazzjonali li jibdew jew jispiċċaw il-vjaġġ tagħhom barra mill-UE.

X’inhuma drittijieti meta l-ferrovija tiegħi tiġi kkanċellata jew ittardjata?

Jekk il-ferrovija tiegħek tiġi kkanċellata jew tittardja, dejjem għandek id-dritt li tingħata informazzjoni adegwata dwar x'inhu jiġri waqt li tkun qed tistenna.

Jekk tiġi mgħarraf li se tasal fid-destinazzjoni finali b'dewmien li jkun tal-anqas ta' siegħa, għandek dritt li:

  • Tikkanċella l-pjanijiet tal-vjaġġ u titlob rimborż immedjat għall-ispejjeż tal-biljett tiegħek (kultant b'mod sħiħ, kultant mhux ħlief il-parti tal-vjaġġ li tkun għadek ma għamiltx).
  • Jista' jkollok ukoll id-dritt għal vjaġġ lura lejn il-punt ta' tluq inizjali tiegħek, jekk id-dewmien iwaqqfek milli twettaq l-għan tal-vjaġġ tiegħek, jew
  • Tittieħed lejn id-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità (jew f'data oħra magħżula minnek). Dan jinkludi trasport alternattiv meta l-ferrovija tiġi mblukkata u s-servizz jiġi sospiż.
  • Ikel u xorb ħafif (skont il-ħin li tkun ilek tistenna)
  • Akkomodazzjoni – jekk jeħtieġlek tgħaddi l-lejl hemm.

Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru 

Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru jikkonċernaw kwalunkwe sitwazzjoni li ma tħallikx titla’ abbord – jekk ma tħallikx titla’ fuq l-ajruplan, it-titjira tiegħek ġiet ikkanċellata, ittardjata, ingħatajt klassi ogħla jew ingħatajt klassi aktar baxxa tal-ivvjaġġar – kull sitwazzjoni tiġi ttrattata każ b’każ u pass wara pass, rigward il-kumpens u l-għajnuna fuq il-paġna Ewropea tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru.

Jekk tixtieq tagħmel ilment għal bagalji mitlufin jew li saritilhom il-ħsara, jeħtieġlek tagħmel dan bil-miktub lil-linja tal-ajru sa 7 ijiem, jew fi żmien 21 jum li fihom tkun irċevejt il-bagalji tiegħek jekk dawn ittardjaw. M’hemm ebda formola standard għall-UE kollha.

Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Vapuri

Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-vapuri jikkonċernaw dewmien u kanċellazzjonijiet li jżommuk mill-imbarkazzjoni, u japplikaw jekk se titlaq minn port fl-UE ma’ kwalunkwe trasportatur, jew se tasal f’port fl-UE ma’ kwalunkwe trasportatur.

Dawn ir-regoli ma jgħoddux:

  • għal vapuri li jistgħu jġorru inqas minn 13-il passiġġier
  • għal vapuri li m'għandhomx iktar minn 3 membri tal-ekwipaġġ
  • għal vapuri li jkopru distanza ta' inqas minn 500 metru, f'direzzjoni waħda
  • għall-biċċa l-kbira tal-vapuri storiċi
  • għal vapuri tal-eskursjonijiet u taż-żjarat turistiċi, jekk ma jkollhomx faċilitajiet ta' akkomodazzjoni jew jekk il-passiġġieri ma jorqdux abbord għal aktar minn żewġt iljieli.

Drittijiet tal-Passiġġieri tax-Xarabank 

Id-drittijiet tiegħek bħala passiġġier ta’ xarabank japplikaw l-aktar għal servizzi regolari tax-xarabank għall-bogħod ħafna (aktar minn 250 km) li jibdew jew jispiċċaw f'pajjiż tal-UE. Uħud minn dawn id-drittijiet japplikaw ukoll għas-servizzi regolari kollha.

Il-pajjiżi Ewropej jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw lis-servizzi purament interni u lis-servizzi fejn parti kbira mir-rotta, inkluża waqfa skedata, tkun barra mill-UE.

X’inhuma drittijieti meta x-xarabank tiegħi tiġi kkanċellata jew tittardja?

Jekk is-servizz jitħassar jew jittardja, għandek dejjem id-dritt għal informazzjoni adegwata u f'waqtha dwar xi jkun qed jiġri waqt li tkun qed tistenna.

Jekk is-servizz għall-bogħod ħafna (aktar minn 250 km) li tkun ibbukkjajt għalih jitħassar jew it-tluq jittardja b'aktar minn sagħtejn, tingħata għażla:

  • Jew tieħu lura l-flus li tkun ħallast għall-biljett tiegħek u, fejn ikun il-każ, vjaġġ b'xejn lura lejn il-punt tat-tluq tal-bidu nett tas-servizz – ngħidu aħna jekk id-dewmien jew it-tħassir tas-servizz ma jħallikx tissodisfa l-għan tal-vjaġġ tiegħek
  • Jew tista' titwassal, b'kundizzjonijiet simili, sad-destinazzjoni aħħarija tiegħek mal-ewwel ċans li jkun hemm, bla ebda spejjeż żejda.

Jekk il-vjaġġ tiegħek għall-bogħod ħafna (aktar minn 250 km) ikun skedat li jdum aktar minn 3 sigħat u t-tluq jittardja b'aktar minn 90 minuta jew il-vjaġġ jitħassar, tkun intitolat(a) wkoll għal:

  • ikel u xorb ħafif – proporzjonat ma' kemm iddum tistenna
  • akkomodazzjoni – jekk jeħtieġlek tgħaddi l-lejl (It-trasportaturi mhumiex obbligati jkopru l-akkomodazzjoni jekk id-dewmien ikun ikkaġunat minn kundizzjonijiet ħorox tat-temp jew minn diżastri naturali.)

Inkwetat li d-drittijiet tiegħek ma ġewx rispettati? 

Jekk taħseb li drittijietek ma ġewx rispettati, tista' tressaq ilment lill-kumpanija tat-trasport, li bbukkjajt magħha. Għandhom iwiġbuk fi żmien xahar.

Jekk ma tkunx sodisfatt bit-tweġiba li tingħatalek, tista' tikkuntattja lill-korp nazzjonali tal-infurzar f'pajjjiżek.