Skip to main content
Big data is watching you

Intelliġenza artifiċjali: dak li l-aħjar tkun taf

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ħamis, 18/11/2021

Iż-żgħażagħ illum huma mdawrin bl-intelliġenza artifiċjali (IA). Meta tilgħab il-logħob, tiddawnlowdja l-apps jew tuża l-media soċjali, tkun qed tgħaddi xi ftit tad-<i>data</i> personali. Kif inhi użata mill-algoritmi? L-informazzjoni li tara fuq il-magni tat-tiftix jew fuq il-media soċjali hi l-istess bħall-utenti l-oħrajn? Għad għandek kontroll tal-għażliet politiċi, tal-konsumatur u soċjali tiegħek?

X’inhi l-Intelliġenza artifiċjali?

L-intelliġenza artifiċjali jew l-IA mhix il-futur, tinsab kollha madwarek. L-IA hi terminu umbrella li jirrappreżenta firxa ta’ tekniki li jippermettu li l-magni jew il-kodiċi jimitaw l-intelliġenza umana.

Jekk tibgħat sms lil ħabib biex tmorru tieħdu birra flimkien u t-telefown tiegħek jifhem dan u jżidu fil-kalendarju tiegħek, dan isir permezz tal-IA.

L-IA għandha potenzjal kbir għas-soċjetajiet tagħna f’diversi oqsma bħas-saħħa, it-trasport jew it-tibdil fil-klima. L-IA tista’ tissortja ammonti kbar ta’ data u tirrikonoxxi x-xejriet. Dan jista’ jintuża biex jinstabu soluzzjonijiet ottimizzati, pereżempju għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

Il-bidu tal-IA

Il-kunċett tal-intelliġenza artifiċjali mhux ġdid. L-umanità ilha timmaġina karozzi jew robots awtonomi li kapaċi jinteraġixxu man-nies għal żmien twil. Fis-seklu 18 diġà kien hemm inventur bl-isem ta’ Wolfgang von Kempelen li ħoloq “It-Tork”, mekkaniżmu falz li jilgħab iċ-ċess li kapaċi jegħleb saħansitra l-aktar sfidi b’saħħithom. Aktar tard ġie skopert li dan il-mekkaniżmu fil-fatt kien immexxi minn bniedem mistoħbi ġol-mejda tal-logħba. Anki jekk din ma kinitx IA, It-Tork hu eżempju ċar tax-xewqa antika tagħna li nibnu magni intelliġenti.

Fl-1936, beda l-proċess tal-IA moderna, meta Alan Turing ippubblika l-kunċett tiegħu ta’ magna universali. Kien biss fl-1997 li l-IA daħlet fl-immaġinazzjoni kollettiva. Dak il-mument wasal meta l-kompjuter Deep Blue għeleb iċ-champion dinji Garry Kasparov f’logħba taċ-ċess. Din id-darba ma kienx aktar mekkaniżmu falz immexxi minn bniedem, iżda magna li weħidha rebħet lil bniedem.

L-IA fil-ħajja tagħna ta’ kuljum

L-IA mhix biss dwar kompjuters li jistgħu jilagħbu ċ-ċess, iżda hi ħafna aktar. Forsi ma tirrealizzax, kemm hemm IA preżenti f’ħajtek. 

Inti tuża l-IA meta tisma’ l-mużika billi tuża assistent tal-vuċi, meta tuża l-kamera mobbli f'portrait mode u hi tistabbilixxi l-parametri t-tajba, billi ssegwi r-rakkomandazzjonijiet mużikali magħmulin minn algoritmi li jidentifikaw ix-xejriet tal-konsumaturi, billi tuża ottimizzaturi tar-rotot li jindikaw l-aħjar rotta biex tasal f’destinazzjoni, b’filtri tal-ispam tal-email li awtomatikament iwettqu din il-klassifikazzjoni, fost ħafna sitwazzjonijiet oħrajn. Li hu ċar hu li l-IA tinsab madwarek.

L-IA toffri ħafna possibbiltajiet bħall-ħolqien ta’ assistenti virtwali biex jgħinu lin-nies, b’kompiti differenti, isibu trattamenti mediċi aħjar, jew jidentifikaw ix-xejriet tal-konsumaturi fin-networks soċjali. L-IA tintuża wkoll fil-kummerċjalizzazzjoni, li tqajjem tħassib etiku pereżempju meta l-algoritmi jkollhom l-għan li jinfluwenzaw l-għażliet politiċi tiegħek, kif allegatament sar minn Cambridge Analytica matul l-elezzjonijiet Amerikani u l-vot tal-Brexit. F’kuntest ta’ din ix-xorta, hu kruċjali li tifhem kif jaħdmu l-algoritmi.

Kif jaħdmu l-algoritmi?

Ejjew nieħdu l-eżempju tal-media soċjali. Algoritmi jittraċċaw l-imġiba u x-xejriet tan-nies u jużawhom biex ifasslu esperjenzi aktar vizzjużi. Tabilħaqq, aktar ma tqatta’ ħin pereżempju fuq Facebook, Instagram jew TikTok, aktar jagħmlu flus dawk il-kumpaniji. Din hi r-realtà l-ġdida tar-reklamar. Il-problema hi li tista’ twassal għal imġiba vizzjuża iżda aktar inkwetanti, tpoġġik f’filtru jew f’“bużżieqa” ideoloġika.

Tabilħaqq, biex iżommuk imkaħħal magħhom, il-mezzi tal-media soċjali joffrulek kontenut li suppost jogħġbok abbażi tar-riċerka li ssir mill-algoritmi tagħhom. Għalhekk, jekk tibda tfittex teoriji ta’ konfoffa fuq il-browsers tiegħek, il-mezzi tal-media soċjali tiegħek jibdew jagħtuk kontenut li jmur f’dik il-linja. Dlonk tkun imdawwar b’pubblikazzjonijiet li jsaħħu t-twemmin tiegħek.

Dan jgħodd għalik iżda wkoll għal dawk ta’ madwarek. Pereżempju, qatt staqsejt jekk il-mobile tiegħek hux qed jissammgħak? Dan ġara lil Mia meta ħabiba tagħha talbitha l-opinjoni tagħha dwar par żarbun. L-għada rċeviet reklam eżattament għall-istess żarbun. Qatt ma fittxitu online, għalhekk kienet imħassba jekk it-telefown tagħha kienx qed jissammgħalha. Dak li ġara hu li l-algoritmu kien jaf li kienet mal-ħabiba tagħha (abbażi tal-lokalità jew tal-konnessjoni mal-istess network) u li dik il-ħabiba fittxet online għal dawk iż-żraben, għalhekk l-algoritmu ħaseb li dan il-prodott seta’ jinteressaha wkoll, peress li għandha profil simili. Algoritmi għal darb’oħra...

It-tama hi li jekk nifhmu aħjar kif jinħolqu l-algoritmi u kif dawn jinfluwenzaw lis-soċjetà, żgħażagħ bħalek jistgħu jsiru konsumaturi aktar kritiċi ta’ tali teknoloġija. Dan jista’ wkoll jimmotivak biex tgħin fit-tiswir tal-futur tagħna.

X’tista’ tagħmel biex tipproteġi d-data tiegħek?

Kun kritiku u kun af li tgħix f’bużżieqa filtru online!

Dawn huma xi suġġerimenti biex tipproteġi d-data personali tiegħek:

  • Uża network privat virtwali meta jkun possibbli. Minbarra li taħbi l-identità vera tiegħek, dan se jimpedixxi wkoll lill-fornitur tal-internet tiegħek milli jidħol fl-attività online tiegħek.
  • Ibbrawżja fil-mode incognito u uża magni tat-tiftix zero logs.
  • Illimita t-traċċar tal-app fuq it-telefown tiegħek.
  • Uża xi estensjonijiet orjentati lejn il-privatezza fil-browser tiegħek - dawn iwaqqfu t-traċċar tas-sit.
  • Uża browser alternattiv iffukat fuq il-privatezza fuq il-kompjuter tiegħek.
  • Tista’ tuża estensjoni tal-browser biex tħassar il-cookies ta’ partijiet terzi awtomatikament wara li tħalli s-sit (xi siti mhux se jaħdmu mingħajrhom).
X’qiegħda tagħmel l-UE?

L-approċċ Ewropew għall-intelliġenza artifiċjali jiffoka fuq żewġ oqsma: l-iżgurar tal-eċċellenza u l-fiduċja fl-użu tal-IA. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tindirizza r-riskji ġġenerati minn użi speċifiċi tal-IA permezz ta’ sett ta’ regoli. Hi ppubblikat il-“pakkett tal-IA” tagħha f’April 2021, fejn ipproponiet regoli u azzjonijiet ġodda biex l-Ewropa tinbidel f’ċentru globali għal IA affidabbli.

 

 
Erasmus+ jappoġġja proġetti ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ dwar il-litteriżmu diġitali!

Tixtieq tiżviluppa proġett madwar dan is-suġġett ma’ ħbiebek?

L-UE toffri finanzjament għal proġetti mmirati biex iż-żgħażagħ jiżviluppaw il-kompetenzi diġitali u l-litteriżmu fil-media (b’mod partikolari l-ħsieb kritiku u l-kapaċità li jivvalutaw u jaħdmu b’informazzjoni) bil-ħsieb li tiżdied ir-reżiljenza taż-żgħażagħ għad-diżinformazzjoni, l-aħbarijiet foloz u l-propaganda, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika.

Jew tlaqqa’ grupp informali ta’ minimu ta’ 4 żgħażagħ bejn 13 u 30 sena, inkluż mexxej wieħed ta’ mill-anqas 18-il sena jew, tapplika bħala parti minn organizzazzjoni taż-żgħażagħ (eż. ċentru taż-żgħażagħ, organizzazzjoni mhux governattiva, muniċipalità).

L-għotja massima mogħtija għal kull proġett hi ta’ €60,000. Tista’ tkopri l-ispejjeż relatati mal-ikkowċjar, l-appoġġ għall-inklużjoni, l-ivvjaġġar u spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni tal-avvenimenti.

Iċċekkja l-paġna Erasmus+ iddedikata għal din l-azzjoni u agħmel kuntatt mal-Aġenzija Nazzjonali ta’ Erasmus+ tiegħek għal aktar informazzjoni.