Il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura 2017, Paphos tinsab tul il-kosta tal-Punent ta’ Ċipru u hi belt idillika bi storja viżibbli. Il-fdalijiet arkitettorali antiki tal-Park Arkeoloġiku ta’ Paphos ġew rikonoxxuti bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO.
Żjara f’taverna – restorant Ċiprijott tradizzjonali – mhux ta’ min jitlifha meta tkun f’Paphos. Akkumpanjat minn mużika Ċiprijotta tradizzjonali, se tkun tista’ tipprova firxa apparentement bla tmiem ta’ selezzjoni ta’ ikel magħruf bħala meze. Dan jinkludi delikatezzi, bħal ħobż Ċiprijott mixwi servut b’feta, halloumi u tzatziki. Spiċċa l-ikla tiegħek billi tipprova l-famuża loukoumia; ħelu Ċiprijott tipiku bi status ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) tal-UE – li jfisser li l-loukoumia awtentika hi unika għall-kultura Ċiprijotta.
Il-kapitali Maltija, il-Belt Valletta hi mużew iffullat fl-arja aperta – 320 monument jinstabu fis-sqaqien dojoq u l-ġonna sigrieti tagħha. Hi Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO u l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018, magħrufa għall-fortifikazzjonijiet drammatiċi u l-palazzi Barokki tagħha.
Il-kċina Maltija hi ġabra ta’ gastronomija minn serje ta’ okkupanti tal-gżejjer – fiha influwenzi Taljani qawwijin imħalltin ma’ elementi kulinarji Spanjoli, Franċiżi, Provençal u Brittaniċi, li jagħtuha karattru eklettiku. Ipprova ftit il-ħobz biż-żejt (ħobż Malti bit-tonn taż-żejt u l-kunżerva) minn bejjiegħ tat-triq jew ieqaf maġenb gabbana tal-ħelu biex idduq l-imqaret; għaġina moqlija mimlija b’tamal delizzjuż.
Il-kapitali tat-Tramuntana tad-dinja, Reykjavik għandha minn kollox: xena kulturali vibranti, provvista ta’ meravilji naturali, u kċina lokali eċċitanti. L-ingredjenti friski u l-platti uniċi jikkaratterizzaw l-ikel Iżlandiż – kċina li tiffoka fuq ingredjenti staġjonali u lokali ta’ kwalità għolja. Tista’ tipprova l-langustina, il-bakkaljaw u l-merluzz tal-linja sewda mill-aktar frisk f’Reykjavik, flimkien ma’ delikatezzi lokali bħall-platt nazzjonali Iżlandiż, il-hakarl, jew il-kelb il-baħar iffermentat. Żjara f’wieħed mill-ħafna nixxigħat ġeotermali hi l-mod perfett ta’ kif wieħed jirrilassa waqt li jkun fl-Iżlanda.
Cork jistħoqqilha r-reputazzjoni tagħha bħala l-kapitali alimentari tal-Irlanda, bl-ikkombinar ta’ prodotti lokali ta’ kwalità għolja u bil-bosta koki kreattivi u ppassjonati tagħha. Is-Suq Ingliż, suq tal-ikel ikoniku Irlandiż b’aktar minn 200 sena ta’ storja, hu post ewlieni biex idduq id-delikatezzi mill-aktar fini ta’ Cork. Ospitat f’bini Vittorjan rebbieħ ta’ premjijiet, is-suq fih kollox minn gabbani tal-ikel frisk sal-aqwa restoranti ta’ Cork. Meta żżuru, ipprova xi cheddar Irlandiż awtentiku jew duq biċċa ċanga mħawra, platt li tradizzjonalment jittiekel fil-Milied jew fl-Ewwel tas-Sena.
Żaqqek mimlija? Mur passiġġata f’ambjent sieket ta’ Fitzgerald Park u żur in-Nano Nagle Place, rebbieħ tal-Premju tal-Mużewijiet tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2022.