Volontarjat fil-qasam tal-għajnuna umanitarja
Mill-2022, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jinfetaħ għad-dinja u joffri attivitajiet ġodda ta’ volontarjat transfruntier b’appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja f’pajjiżi terzi.
Dawn il-proġetti huma opportunità eċċellenti biex wieħed jinvolvi ruħu bħala ċittadin attiv, juri solidarjetà ma’ nies f’pajjiżi barra mill-UE li ffaċċjaw diżastri umanitarji jew jeħtieġ li jżidu t-tħejjija tagħhom għal diżastri possibbli fil-futur, filwaqt li wieħed jitgħallem ħiliet, kulturi u modi ta’ ħajja ġodda – b’mod definittiv esperjenza li tibdel il-ħajja!
Lil hinn mit-tħejjija għad-diżastri u l-għajnuna wara d-diżastri, il-proġetti li se tipparteċipa fihom ikopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet. Dawn huma biss ftit eżempji: il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal, il-protezzjoni tar-refuġjati u tal-persuni spostati internament, il-protezzjoni tal-migranti mingħajr dokumenti, il-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima, it-titjib tas-sigurtà tal-ikel, eċċ.
Għandek l-għażla bejn volontarjat individwali u volontarjat f’timijiet, għal perjodu qasir jew itwal.
Volontarjat individwali
- jista’ jdum minn xahrejn sa 12-il xahar
- hu full-time (bejn 30 u 38 siegħa fil-ġimgħa)
- jippermettilek tikkontribwixxi kuljum biex twettaq il-kompiti meħtieġa biex tappoġġja l-attivitajiet imwettqin mill-organizzazzjoni ospitanti, li hi organizzazzjoni attiva fil-qasam tal-għajnuna umanitarja
- hu “transfruntier” – jiġifieri f’pajjiż differenti minn fejn tgħix – u jseħħ f’pajjiż terz fejn hemm għaddejjin attivitajiet u operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja
Volontarjat f’tim
Jekk ma tistax timpenja ruħek għal perjodu twil, iżda xorta tixtieq tgħin, mela ċċekkja l-volontarjat f’tim, li:
- jista’ jdum bejn ġimagħtejn u xahrejn
- hu full-time (bejn 30 u 38 siegħa fil-ġimgħa)
- fih tkun voluntier ma’ nies minn tal-anqas 2 pajjiżi differenti
- il-grupp se jkun bejn 5 u 40 voluntier li se jintgħażlu mill-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ u ospitanti
- iseħħ f’pajjiż terz fejn ikunu għaddejjin attivitajiet u operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja
Organizzazzjonijiet ta’ appoġġ u ospitanti
Jekk tintgħażel biex tmur barra minn pajjiżek għal xi volontarjat ta’ għajnuna umanitarja, se jkunu involuti mill-anqas 3 organizzazzjonijiet:
- Mill-anqas żewġ organizzazzjoni ta’ appoġġ – minn Stati Membri differenti tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-programm (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, it-Turkija u l-Maċedonja ta’ Fuq). Dawn l-organizzazzjonijiet jgħinuk tħejji għall-esperjenza tiegħek barra minn pajjiżek.
- Mill-anqas organizzazzjoni waħda ospitanti – ibbażata f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-programm fejn ma jkunux għaddejjin kunflitti armati internazzjonali jew mhux internazzjonali u fejn iseħħu attivitajiet ta’ għajnuna umanitarja. Din l-organizzazzjoni se takkumpanjak matul l-attivitajiet ta’ volontarjat tiegħek barra minn pajjiżek.
Min jista’ jkun voluntier?
L-attivitajiet ta’ volontarjat tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà miftuħin għal nies li għandhom bejn it-18 u t-30 sena (35 għall-volontarjat fil-qasam tal-għajnuna umanitarja) li jgħixu legalment fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, it-Turkija u l-Maċedonja ta’ Fuq) u li rreġistraw fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
X’inhu kopert?
- Int kopert b’assigurazzjoni komplementari
- Tista’ taċċessa firxa ta’ servizzi ta’ appoġġ bħall-appoġġ lingwistiku u t-taħriġ
- L-ispejjeż bażiċi tiegħek se jkunu koperti (l-ivvjaġġar tiegħek lejn u mill-proġett, l-akkomodazzjoni u l-ikel)
- Int se tirċievi wkoll allowance żgħira għall-ispejjeż personali.
- Jekk għandek ħtiġijiet speċifiċi (eż. diżabbiltà), dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu koperti wkoll
Kif nirreġistra?
Iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-35 sena għandhom l-opportunità li jesprimu l-interess tagħhom fil-volontarjat tal-għajnuna umanitarja meta jirreġistraw fuq il-portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
Biex jesprimu interess fil-volontarjat tal-għajnuna umanitarja, il-kandidati għandhom isegwu dawn il-passi:
- mur fuq “Il-profil tiegħi”
- mur fuq “Proġetti ta’ volontarjat fil-qasam tal-Għajnuna Umanitarja”
- agħżel “Irrid niġi kkunsidrat għal proġetti ta’ volontarjat fil-qasam tal-Għajnuna Umanitarja”
- imla l-informazzjoni rilevanti l-oħra kollha
- issejvja l-informazzjoni
Biex japplikaw għal pożizzjoni vakanti taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja, iż-żgħażagħ jeħtieġ li jlestu taħriġ obbligatorju. Dan jikkonsisti f’moduli online fuq il-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE u, għal dawk li jgħaddu mit-test fi tmiem it-taħriġ online, minn taħriġ wiċċ imb wiċċ ta’ ħamist ijiem fi gruppi ta’ madwar 25 kandidat.
Ladarba l-kandidati jkunu rreġistraw fuq il-portal u indikaw l-interess tagħhom, il-korsijiet ta’ taħriġ online dwar l-Akkademja tal-UE jkunu aċċessibbli permezz tat-tab “Taħriġ online” fil-kont tagħhom tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-kandidati għandhom jagħżlu l-opzjoni “Taħriġ dwar l-għajnuna umanitarja”. Fuq il-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE, l-ewwel se jiġu mistiedna jagħmlu awtovalutazzjoni. Jekk jiddeċiedu li jkomplu l-proċess, se jibdew it-taħriġ online obbligatorju għall-Volontarjat fil-qasam tal-Għajnuna Umanitarja. It-taħriġ online jintemm b’test online. Wara li jtemmu b’suċċess it-test online u jindikaw id-disponibbiltà tagħhom għat-taħriġ wiċċ imb wiċċ permezz tas-“soluzzjoni ta’ skedar”, il-fornitur tas-servizz responsabbli għall-għoti tat-taħriġ jikkuntattja lill-kandidati fi żmien xahar sa xahrejn biex jinfurmahom dwar is-slots disponibbli tagħhom għat-taħriġ wiċċ imb wiċċ.
It-taħriġ wiċċ imb wiċċ hu organizzat fi tliet slots fis-sena: fi Frar – Marzu, Mejju – Ġunju u Settembru – Ottubru. Il-kalendarju proviżorju tas-sessjonijiet hu ppubblikat fl-Akkademja tal-UE taħt il-punt “Taħriġ online għall-kandidati tal-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja”. Minħabba interess għoli ħafna fit-taħriġ wiċċ imb wiċċ dwar l-għajnuna umanitarja, is-soluzzjoni ta’ skedar għall-applikazzjoni għat-taħriġ wiċċ imb wiċċ jeħtieġ li tingħalaq minn żmien għal żmien. Biex tkun taf il-perjodi ta’ żmien meta r-reġistrazzjoni tkun miftuħa, jekk jogħġbok iċċekkja l-informazzjoni dwar l-Akkademja tal-UE.
/!\ Peress li n-numru ta’ kandidati interessati hu ħafna ogħla min-numru ta’ opportunitajiet ta’ volontarjat ta’ għajnuna umanitarja offruti mill-proġetti, m’hemm ebda garanzija li se tintgħażel minn wieħed mill-proġetti ta’ volontarjat tal-għajnuna umanitarja wara li tkun lestejt it-taħriġ.
Jekk għandek xi mistoqsija dwar it-taħriġ, jekk jogħġbok ikkuntattja lit-tim tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fuq EACEA-SOLIDARITY-CORPS@ec.europa.eu.