Skip to main content

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

B’Saħħitna fl-Għaqda.

Taħriġ u appoġġ għall-parteċipanti

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jipprovdi firxa ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-parteċipanti, biex jiżgura mhux biss li int tagħmel l-aħjar użu mill-esperjenza tiegħek, iżda wkoll li titgħallem kemm tista’.  

Taħriġ ġenerali online 

Dan hu taħriġ b’aċċess miftuħ, permezz tas-sit tal-Korp ta’ Solidarjetà, għall-kandidati u l-parteċipanti kollha reġistrati. Il-moduli jinkludu “Il-missjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà”, “Rwoli u responsabbiltajiet tal-parteċipanti”, “Għarfien interkulturali”, “Saħħa u sikurezza” u aktar.

Taħriġ meħtieġ għall-parteċipazzjoni fil-volontarjat tal-Għajnuna umanitarja

Dan it-taħriġ jinkludi awtovalutazzjoni u kors online segwit minn test online. Dawk li jgħaddu mit-test jistgħu jiġu mistiedna għal kors wiċċ imb wiċċ matul 5 ijiem f’ċentru ta’ taħriġ fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja jew Spanja. L-awtovalutazzjoni u t-taħriġ online huma aċċessibbli fuq il-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE għall-voluntiera kandidati kollha li esprimew l-interess tagħhom fil-volontarjat tal-għajnuna umanitarja meta rreġistraw.

Appoġġ Lingwistiku Online

L-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) huwa mfassal biex jgħin lill-parteċipanti jtejbu l-għarfien tagħhom tal-lingwa li se jkunu qed jaħdmu biha. L-OLS hu ospitat fuq pjattaforma ta’ ġestjoni tal-apprendiment korporattiv tal-Kummissjoni Ewropea msejħa l-Akkademja tal-UE.

Is-servizz hu disponibbli għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Estonjan, l-Ispanjol, il-Finlandiż, il-Franċiż, l-Irlandiż, il-Kroat, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Litwan, il-Latvjan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven u l-Iżvediż. Is-servizz tat-tagħlim tal-lingwi online huwa disponibbli wkoll għall-Bask, il-Galizjan u l-Katalan.

Tista’ tuża s-servizz jekk tkun intgħażilt għal attività tal-Korp li ddum xahrejn jew aktar. Wara li tintgħażel għal attività tal-Korp, tirċievi email ta’ stedina bid-dettalji tal-login għall-OLS fuq il-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE mill-organizzazzjoni ospitanti tiegħek.

Assigurazzjoni

Prinċipju ewlieni għall-attivitajiet kollha mwettqin taħt il-Korp hu li l-parteċipanti f’kull ħin għandhom ikunu sikuri. 

Int tkun assigurat matul l-attività tiegħek minn meta titlaq għall-pajjiż ospitanti sa xahrejn wara li tintemm l-attività jew:

Għall-attivitajiet transfruntieri:

  • it-top-up tal-kopertura (ipprovdut mill-Kummissjoni Ewropea) biex tkun issupplimentata Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tiegħek jew is-sistema tas-saħħa nazzjonali tal-pajjiż ospitanti 
  • il-kopertura primarja mill-Kummissjoni – jekk ma jistax ikollok il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa bla ħlas, u lanqas m’int intitolat li tkun kopert fil-pajjiż li qed jospitak 

Għall-attivitajiet nazzjonali:

  • permezz ta’ rimborż ta’ kwalunkwe spiża mhux koperta mis-sistema tas-saħħa nazzjonali tiegħek

Tista’ ssib aktar dettalji dwar il-kopertura, u kif tirreġistra, fis-sit web tal-kumpanija tal-assigurazzjoni.

Il-parteċipanti se jkunu koperti minn fornitur tal-assigurazzjoni differenti skont il-perjodu li fih iseħħ il-proġett tagħhom. L-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-assigurazzjoni tas-CIGNA huwa validu għal proġetti li qed iseħħu taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 u għal proġetti li bdew qabel is-7 ta’ Frar 2023 taħt il-QFP attwali 2021-2027. L-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-assigurazzjoni ta’ Henner huwa validu għal proġetti li qed isiru taħt il-QFP attwali 2021-2027.

Viżi u permessi ta’ residenza

Jista’ jkun li jkollok bżonn wieħed jew waħda (jew it-tnejn) minn dawn meta tiċċaqlaq bejn pajjiż u ieħor biex tieħu sehem fl-attività tal-Korp tiegħek.    
/!\  Nirrakkomandawlek b’mod qawwi li tagħmel it-talba tiegħek għal kull vjaġġ jew permess ta’ residenza ta’ dan it-tip sew minn qabel, peress li l-proċess jista’ jieħu diversi ġimgħat.

Għal informazzjoni ġenerali dwar il-viżi u l-permessi ta’ residenza, kemm għal soġġorn qasir kif ukoll għal wieħed fit-tul, ara l-portal tal-UE dwar l-immigrazzjoni.  

Għad-dettalji, ikkuntattja l-Aġenzija Nazzjonali rilevanti jew lill-Aġenzija Eżekuttiva

Ftehimiet mal-parteċipanti

Qabel ma titlaq biex tibda l-attività tiegħek trid tiffirma ftehim tal-parteċipanti li jiddetermina tal-anqas l-aspetti tal-attività tiegħek li ġejjin:

  • id-drittijiet u r-responsabbiltajiet fir-rigward tal-assigurazzjoni u l-kontribut finanzjarju mill-Korpi 
  • il-kompiti li jridu jitwettqu waqt l-attività (fil-każ tal-volontarjat
  • l-eżiti tat-tagħlim intenzjonati (fil-każ tal-volontorjat)

Taħriġ

Dan hu sensiela ta’ avvenimenti ta’ taħriġ għall-parteċipanti f’attivitajiet fit-tul li jagħtuk gwida kontinwa u appoġġ matul l-esperjenza tiegħek fil-Korp. Dan jgħinek tadatta għall-isfidi kulturali u personali, titgħallem dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħek, kwistjonijiet prattiċi, il-komunikazzjoni interkulturali, issir taf parteċipanti oħrajn, tibqa’ f’kuntatt mal-Aġenziji Nazzjonali, tivvaluta l-esperjenza tiegħek u aktar. 

Bħala parteċipant f’attività fit-tul, tiġi offrut is-sessjonijiet li ġejjin:

  • taħriġ ta’ qabel it-tluq (attivitajiet transfruntieri biss) 
  • taħriġ mal-wasla 
  • evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu (attivitajiet ta’ 6 xhur biss u aktar) 
  • avveniment annwali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Mentoring

Filwaqt li tkun fuq il-post, għandek tingħata appoġġ personali f’forma ta’ mentoring, biex jgħinek toqgħod, kemm fil-pajjiż il-ġdid kif ukoll fl-organizzazzjoni ospitanti.

Youthpass

Youthpass – miftuħ għall-parteċipanti kollha tal-Korp – hu għodda li tgħinek tidentifika u tiddokumenta l-eżiti tat-tagħlim li żviluppajt fuq il-proġett. Dan jippermettilek tiddeskrivi dak li għamilt u turi dak li tkun tgħallimt – inklużi ħiliet li huma informali jew mhux formali. 

Dan kollu hu mniżżel formalment fiċ-ċertifikat tal-Youthpass. S’issa, aktar minn miljun ruħ użaw l-għodda u ngħataw iċ-ċertifikat.  

Skont it-tip ta’ rikonoxximent li teħtieġ, il-ħolqien ta’ ċertifikat tal-Youthpass jista’ jgħinek ukoll biex tirrifletti u toħloq il-Curriculum Vitae (CV) tiegħek fil-Europass

Iċċekkja xi testimonjanzi bil-video dwar kemm jista’ jkun importanti l-Youthpass.

Ċertifikat ta’ parteċipazzjoni

Iċ-ċertifikat ta’ parteċipazzjoni jiċċertifika li ħadt sehem fl-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. 

Fi tmiem iż-żmien tiegħek mal-Korp, iċ-ċertifikat ta’ parteċipazzjoni tiegħek se jinħareġ minn dan is-sit web minn waħda mill-organizzazzjonijiet involuti fl-attività. Kulma għandek tagħmel hu li l-ewwel timla stħarriġ biex tgħidilna dwar l-esperjenza tiegħek.

Li jkollok prova tax-xogħol li għamilt fil-Korp ta’ Solidarjetà tkun żieda addizzjonali siewja fis-CV tiegħek. U tista’ ovvjament tagħmel referenza għaliha jekk tuża l-portal għall-opportunitajiet ta’ xogħol tal-EURES fl-Ewropa kollha.

Kit ta’ Informazzjoni

Għal aktar informazzjoni ta’ sostenn, iċċekkja l-Kit ta’ Informazzjoni għall-parteċipanti