Skip to main content

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

B’Saħħitna fl-Għaqda.

Taħriġ u appoġġ għall-parteċipanti

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jipprovdi firxa ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-parteċipanti u għall-organizzazzjonijiet parteċipanti, biex jiżgura t-tagħlim, l-assigurazzjoni u elementi importanti oħrajn. 

Huma mfasslin f’konformità mal-prinċipji tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Huma jgħinu wkoll biex jinżamm livell għoli ta’ kwalità fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u jiżguraw li l-attivitajiet jiġu vvalidati b’mod korrett.

Taħriġ ġenerali online

It-taħriġ online ġenerali hu taħriġ b’aċċess miftuħ għall-kandidati u l-parteċipanti kollha rreġistrati, disponibbli permezz tal-portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-moduli tiegħu jinkludu:

  • il-missjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà
  • ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-parteċipanti
  • l-għarfien interkulturali
  • is-saħħa u s-sikurezza
  • u ħafna aktar.

Appoġġ lingwistiku online

L-appoġġ lingwistiku online (OLS) hu mfassal biex jgħin lill-parteċipanti jtejbu l-għarfien tagħhom tal-lingwa li jkunu qed jaħdmu biha. L-OLS hu ospitat fuq pjattaforma ta’ mmaniġġjar tal-apprendiment korporattiv tal-Kummissjoni Ewropea msejħa Akkademja tal-UE.

Is-servizz hu disponibbli għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Estonjan, l-Ispanjol, il-Finlandiż, il-Franċiż, l-Irlandiż, il-Kroat, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Litwan, il-Latvjan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven u l-Iżvediż. Is-servizz tat-tagħlim tal-lingwi online hu disponibbli wkoll għall-Bask, il-Galizjan u l-Katalan.

Ladarba l-organizzazzjoni tiegħek tkun għażlet parteċipant għal attività tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li ddum xahrejn jew aktar, għandha tibgħat email lill-parteċipant bil-login tiegħu jew tagħha għall-OLS. 

Taħriġ

Iċ-ċiklu ta’ taħriġ u evalwazzjoni hu mfassal kemm għall-parteċipanti kif ukoll għall-organizzazzjonijiet parteċipanti.  

Il-parteċipanti li jieħdu sehem f’attivitajiet fit-tul huma intitolati għal dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ:

  • taħriġ ta’ qabel it-tluq (attivitajiet transfruntieri biss) 
  • taħriġ mal-wasla
  • evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu (attivitajiet ta’ 6 xhur jew aktar biss) 
  • avveniment annwali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jibbenefikaw mis-sessjonijiet ta’ taħriġ li ġejjin:

  • taħriġ għall-organizzazzjonijiet li jkunu għadhom kemm ingħataw it-Tikketta ta’ Kwalità
  • avveniment annwali għall-organizzazzjonijiet li jkollhom it-Tikketta ta’ Kwalità

It-taħriġ għandu jiżgura fehim tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tal-organizzazzjoni, jagħti informazzjoni prattika u teknika dwar il-ġestjoni tal-proġett, jagħti informazzjoni dwar karatteristiċi importanti tal-Korp, jappoġġja lill-organizzazzjoni fl-iżvilupp ta’ proġetti kwalitattivi u jipprovdi opportunitajiet ta’ networking.

Assigurazzjoni

Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jridu dejjem ikunu f’ambjent sikur. 

Huma assigurati għat-tul ta’ żmien tal-attività tagħhom, mill-mument li jitilqu għall-pajjiż ospitanti tagħhom sa tmiem it-tieni xahar wara li jlestu l-attività tagħhom. 

Il-parteċipanti f’attivitajiet transfruntieri (dawk li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed) għandhom:

  • kopertura kumplementari, ipprovduta mill-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) jew mas-sistema tas-saħħa nazzjonali tal-pajjiż ospitanti 
  • kopertura primarja, mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea, jekk il-parteċipant ma jistax ikollu l-EHIC mingħajr ħlas, jew jekk ma jkunux intitolati għall-kopertura skont il-qafas regolatorju nazzjonali. 

Kwalunkwe spiża mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet organizzati f’pajjiżhom stess tiġi rimborżata jekk ma tkunx koperta mis-sistema tas-saħħa nazzjonali.

L-organizzazzjoni ospitanti trid tiżgura li l-parteċipant ikollu Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa u jekk dan ma kienx possibbli, trid tiżgura li l-parteċipant ikun kopert mill-pjan ta’ assigurazzjoni obbligatorju li għalih jagħmel provvediment il-Korp.

Għal aktar informazzjoni dwar il-kopertura u l-appoġġ, kif ukoll struzzjonijiet biex tinħareġ assigurazzjoni, ara s-sit web tal-kumpanija tal-assigurazzjoni.

Viża u permessi ta’ residenza

Il-parteċipanti jistgħu jeħtieġu viża biex iqattgħu żmien barra minn pajjiżhom fil-pajjiż imsieħeb li qed jospita l-attività tagħhom, jew biex jivvjaġġaw minn dak il-pajjiż. 

Hu rrakkomandat b’mod qawwi lill-parteċipanti li japplikaw għal viża minn ħafna qabel, peress li tista’ tieħu diversi ġimgħat biex tinħareġ. 

Għal aktar għajnuna jew pariri dwar kwistjonijiet bħall-viżi, il-permessi tar-residenza u s-sigurtà soċjali, ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħek u/jew l-Aġenzija Eżekuttiva.  

Il-portal tal-UE dwar l-immigrazzjoni hu sors tajjeb ta’ informazzjoni ġenerali dwar kemm il-viżi għal żmien qasir kif ukoll dawk fit-tul u l-permessi ta’ residenza. 

Ftehimiet mal-parteċipanti

Qabel ma jsiefru barra minn pajjiżhom, kull min jipparteċipa f’attività ta’ volontarjat individwali appoġġjata mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jrid jiffirma ftehim tal-parteċipant. Dan għandu tal-anqas jiddefinixxi l-aspetti li ġejjin tal-attività:

  • Drittijiet u responsabbiltajiet fir-rigward tal-assigurazzjoni u l-kontribuzzjoni finanzjarja pprovduti mill-Korp 
  • Kompiti li jridu jitwettqu waqt l-attività
  • Eżiti tat-tagħlim intenzjonati

Mentoring

Il-parteċipanti għandhom jingħataw appoġġ personali permezz tal-mentoraġġ matul l-attività tagħhom. Dan jista’ jgħinhom jintegraw, kemm f’organizzazzjoni li hi ġdida għalihom, kif ukoll, jekk ikunu qed jivvolontarjaw jew jaħdmu barra minn pajjiżhom, f’pajjiż differenti.

Youthpass

Youthpass – miftuħ għall-parteċipanti kollha tal-Korp – hu għodda li tgħin lill-parteċipanti jidentifikaw u jiddokumentaw l-eżiti tat-tagħlim li żviluppaw fuq il-proġett. Hu jippermettilhom li jiddeskrivu dak li għamlu u juru dak li jkunu tgħallmu – inklużi ħiliet li huma informali jew mhux formali. Dan kollu hu mniżżel formalment fiċ-ċertifikat tal-Youthpass. S’issa, aktar minn miljun ruħ użaw l-iskema u ngħataw iċ-ċertifikat.  

Skont it-tip ta’ rikonoxximent li teħtieġ, il-ħolqien ta’ ċertifikat tal-Youthpass jista’ jgħinek ukoll biex tirrifletti u toħloq il-Curriculum Vitae (CV) tiegħek fil-Europass

Hemm rwol għall-organizzazzjonijiet parteċipanti biex jgħinu lill-parteċipanti jirriflettu fuq dak li jkunu tgħallmu u jiddokumentaw l-eżiti tat-tagħlim tagħhom bl-għajnuna tal-Youthpass jew għodod ta’ validazzjoni tal-UE jew nazzjonali oħrajn.

Ċertifikat tal-parteċipazzjoni

Dan jiċċertifika l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Mat-tlestija tal-attività ppjanata u l-istħarriġ dwar l-esperjenza tagħhom, il-parteċipanti huma intitolati għal ċertifikat maħruġ permezz tal-portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà minn waħda mill-organizzazzjonijiet involuti.